- STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA
Rapporti finanzjarji tal-BĊE għall-2024
20 ta' Frar 2025
- Il-BĊE jirrapporta telf ta’ €7.9 biljun (2023: telf ta’ €1.3 biljun)
- It-telf se jiġi paċut kontra profitti futuri.
Ir-rapporti finanzjarji tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-2024 juru telf ta’ €7,944 miljun, li huwa kumparabbli mat-telf ta’ €7,886 miljun irrapportat fl-2023 qabel it-trasferiment mill-provvedimenti għar-riskji. Fl-2023 ir-rilaxx sħiħ tal-provvediment għal riskji finanzjarji ta’ €6,620 miljun naqqas it-telf għal dik is-sena għal €1,266 miljun, filwaqt li fl-2024 l-ebda telf ma seta’ jkun kopert minn dan il-provvediment peress li l-bilanċ kien ta’ żero. It-telf tal-2024, bħat-telf mis-sena preċedenti, se jibqa’ fuq il-karta bilanċjali tal-BĊE biex jiġi paċut kontra profitti futuri. Bħala riżultat tat-telf, mhu se jkun hemm l-ebda distribuzzjoni tal-profitti lill-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro għall-2024.
It-telf ġie wara ħafna snin ta’ profitti sostanzjali u huwa r-riżultat ta’ azzjonijiet ta’ politika meħuda mill-Eurosistema li kienu neċessarji biex twettaq il-mandat ewlieni tagħha li żżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet. Dawn il-politiki kienu jeħtieġu li l-BĊE jespandi l-karta tal-bilanċ tiegħu billi jixtri assi finanzjarji, l-aktar b’rati tal-imgħax fissi u maturitajiet fit-tul. Dan kien akkumpanjat minn żieda korrispondenti fl-obbligazzjonijiet, li fuqhom il-BĊE jħallas l-imgħax b’rati varjabbli. B’hekk, iż-żidiet fir-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE fl-2022 u l-2023, li kienu mmirati biex jiġġieldu l-inflazzjoni għolja fiż-żona tal-euro, irriżultaw f’żidiet immedjati fl-ispejjeż tal-imgħax fuq dawn l-obbligazzjonijiet, filwaqt li l-introjtu mill-imgħax fuq l-assi tal-BĊE, b’mod partikolari fuq titoli mixtrija taħt il-programm ta’ xiri ta’ assi (APP, Asset Purchase Programme) u l-Programm ta’ Xiri ta’ Emerġenza f’Każ ta’ Pandemija (PEPP, Pandemic Emergency Purchase Programme), ma żdiedx sa l-istess grad.
Il-BĊE xorta jista’ jġarrab telf fis-snin li ġejjin. Jekk dan ikun il-każ, kwalunkwe telf bħal dan huwa mistenni li jkun aktar baxx minn dak imġarrab fl-2023 u fl-2024. Wara dan, il-BĊE huwa mistenni li jerġa’ jibda jagħmel profitti. Fi kwalunkwe każ, il-BĊE jista’ jopera b’mod effettiv u jissodisfa l-mandat primarju tiegħu li jżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet irrispettivament minn kwalunkwe telf. Is-saħħa finanzjarja tiegħu hija enfasizzata ulterjorment mill-kapital tiegħu u mill-kontijiet ta’ rivalutazzjoni sostanzjali tiegħu, li flimkien ammontaw għal EUR 59 biljun fi tmiem l-2024, €13-il biljun ogħla milli fi tmiem l-2023.
L-introjtu mill-imgħax u l-ispejjeż tal-BĊE fl-2024 kienu kif ġej:
2024 | 2023 | Bidla | |
---|---|---|---|
Riżervi barranin | 2,537 | 2,382 | 155 |
Titoli miżmuma għal għanijiet tal-politika monetarja | 3,850 | 3,467 | 383 |
Pretensjonijiet relatati mal-allokazzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro fi ħdan l-Eurosistema | 5,232 | 4,817 | 415 |
Pretensjonijiet tal-BĊNi fir-rigward tar-riżervi barranin ittrasferiti | (1,448) | (1,335) | (114) |
Bilanċi ta’ TARGET dovuti mill-/lill-BĊNi | (15,674) | (14,236) | (1,439) |
Oħrajn | (1,479) | (2,288) | 809 |
Introjtu/(spiża) nett/a mill-imgħax | (6,983) | (7,193) | 210 |
Fl-2024, bħal fl-2023, il-fatt li l-ispejjeż tal-imgħax kienu ogħla mill-introjtu mill-imgħax kien xprunat l-aktar mill-ispiża tal-imgħax sinifikanti fuq l-obbligazzjoni netta tal-BĊE relatata ma’ TARGET. Peress li din l-obbligazzjoni ġiet remunerata bir-rata tal-imgħax fuq l-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament ewlenin (ir-rata MRO), ir-rata medja ogħla tal-MRO ta’ 4.1% fl-2024 (2023: 3.8%) irriżultat f’żieda ta’ din l-ispiża. Ir-rata medja ogħla tal-MRO wasslet ukoll għal żidiet fl-introjtu mill-imgħax fuq pretensjonijet relatati mal-allokazzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro f’ċirkolazzjoni u l-ispiża tal-imgħax pagabbli lll-BĊNi bħala remunerazzjoni tal-pretensjonijiet tagħhom fir-rigward ta’ riżervi barranin ittrasferiti lil-BĊE. L-introjtu mill-imgħax fuq titoli miżmuma għal finijiet tal-politika monetarja wkoll żdiedu, l-aktar fuq titoli tal-gvern miżmuma taħt il-PEPP. L-introjtu mill-imgħax fuq riżervi barranin kien ogħla, u ġie l-aktar minn titoli ddenominati f’dollari Amerikani.
It-tnaqqis tal-valur ammonta għal €269 miljun (2023: €38 miljun) u rriżulta l-aktar mit-tnaqqis fil-valur fis-suq ta’ għadd ta’ titoli miżmuma fil-portafoll tad-dollaru Amerikan u d-diprezzament tal-yen Ġappuniż, li wassal għal tnaqqis fil-valur tal-investiment fil-munita relatata.
L-ispejjeż totali fuq il-persunal żdied bi €844 miljun (2023: €676 miljun), l-aktar minħabba l-kostijiet ogħla tal-benefiċċji ta’ wara l-impjieg li rriżultaw minn emenda għar-regoli li jirregolaw il-pjanijiet tal-pensjoni tal-BĊE fl-2024. Spejjeż amministrattivi oħrajn żdiedu għal €626 miljun (2023: €596 miljun), l-aktar minħabba nfiq ogħla fuq l-IT fir-rigward tat-trasformazzjoni diġitali, filwaqt li jirriflettu wkoll l-impatt tal-inflazzjoni.
L-introjtu mit-tariffi superviżorji (it-tariffi li jridu jħallsu l-banek taħt superviżjoni biex jiġu rkuprati l-ispejjeż imġarrba mill-BĊE fit-twettiq tal-kompiti superviżorji tiegħu) ammontaw għal €681 miljun (2023: €654 miljun).
Id-daqs totali tal-karta tal-bilanċ tal-BĊE naqas bi €33 biljun għal €641 biljun (2023: €673 biljun), li jirrifletti l-aktar it-tnaqqis gradwali fl-investimenti fl-APP minħabba tifdijiet.
Karta tal-bilanċ konsolidata tal-Eurosistema
Fl-aħħar tal-2024 id-daqs tal-karta tal-bilanċ ikkonsolidata tal-Eurosistema, li tinkludi assi u obbligazzjonijiet tal-BĊNi taż-żona tal-euro u tal-BĊE fil-konfront ta’ terzi, kien ta’ €6,428 biljun (2023: €6,887 biljun). It-tnaqqis meta mqabbel mal-2023 kien dovut għat-tnaqqis fit-titoli miżmuma għal skopijiet tal-politika monetarja għal €4,283 biljun (2023: EUR 4,937 biljun), l-aktar minħabba t-tifdijiet. L-investimenti fl-APP naqsu b’€353 biljun għal €2,673 biljun, peress li l-investiment mill-ġdid ta’ assi li mmaturaw waqaf f’Lulju tal-2023, filwaqt li l-investimenti fil-PEPP naqsu b’€57 biljun għal €1,609 biljun, hekk kif l-assi li mmaturaw ġew investiti mill-ġdid biss fit-tieni nofs tal-2024. Barra minn hekk, l-operazzjonijet ta’ tislif tal-Eurosistema naqsu għal €34 biljun (2023: EUR 410 biljun) l-aktar bħala riżultat tal-immaturar tat-tielet serje ta’ operazzjonijiet immirati ta’ rifinanzjament għal żmien itwal (TLTRO III). It-tnaqqis riżultanti kien paċut parzjalment miż-żieda fil-valur ekwivalenti għall-euro tal-investimenti tal-Eurosistema f’deheb għal €872 biljun (2023: €649 biljun) minħabba ż-żieda fil-prezz tas-suq tad-deheb f’termini ta’ euro.
Għal mistoqsijiet min-naħa tal-media, jekk jogħġbok ikkuntattja lil William Lelieveldt, tel.: +49 69 1344 7316.
Noti
- Iċ-ċifri jistgħu ma jaqblux minħabba t-tqarrib sal-eqreb euro.
- Aktar informazzjoni dwar is-Servizzi ta’ TARGET jistgħu jinstabu fuq is-sit web tal-BĊE.
- Għal aktar tagħrif dwar is-sorsi ta’ profitti u telf tal-BĊE u tal-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro, ara n-nota ta’ spjegazzjoni relatata.
- Fit-13 ta’ Marzu 2024, il-Kunsill Governattiv iddeċieda dwar sett ta’ prinċipji li jiggwidaw l-implimentazzjoni tal-politika monetarja fil-futur u li, fost parametri ewlenin oħra, se jkompli jmexxi l-pożizzjoni tal-politika monetarja permezz tar-rata tal-faċilità ta’ depożitu. F'dan il-kuntest, il-Kunsill Governattiv iddeċieda wkoll li, mill-1 ta’ Jannar 2025, ir-rata tal-faċilità ta’ depożitu ssir il-bażi għar-remunerazzjoni ta’(i) bilanċi tat-TARGET dovuti minn/lil BĊNi taż-żona tal-euro, (ii) pretensjonijiet relatati mal-allokazzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro fi ħdan l-Eurosistema, u (iii) obbligazzjonijiet ekwivalenti għat-trasferiment ta’ riżervi barranin.
- Aktar dettalji dwar il-kontabilità finanzjarja u l-politika tar-rappurtar tal-BĊE u l-Eurosistema u dwar il-kontijiet annwali tal-BĊE jinsabu fid-Deċiżjoni (UE) 2016/2938 tal-BĊE tat-3 ta’ Novembru 2016 dwar il-kontijiet annwali tal-BĊE (BĊE/2016/32) (ĠU L, 2024/2938, 11.12.2024) u fil-Linja Gwida (UE) 2016/2941 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-3 ta' Novembru 2016 dwar il-qafas legali għall-kontabilità u r-rappurtar finanzjarju fis-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (BĊE/2016/31) (ĠU L 347, 2024.2016, p. 2024) u fis-sit web tal-BĊE.
- Il-karta tal-bilanċ konsolidata tal-Eurosistema hija bażata fuq data provviżorja. Il-karta tal-bilanċ konsolidata annwali finali tal-Eurosistema se tiġi ppubblikata f’Ġunju.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja