Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
  • STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Deċiżjonijiet tal-politika monetarja

12 ta' Settembru 2024

Il-Kunsill Governattiv illum iddeċieda li jnaqqas ir-rata tal-faċilità tad-depożitu – ir-rata li permezz tagħha jidderieġi l-pożizzjoni tal-politika monetarja – b’25 punt bażi. Abbażi tal-valutazzjoni aġġornata tal-Kunsill Governattiv tal-prospetti dwar l-inflazzjoni, id-dinamika tal-inflazzjoni sottostanti u l-qawwa tat-trażmissjoni tal-politika monetarja, issa huwa xieraq li jittieħed pass ieħor biex jiġi mmoderat il-grad tar-restrizzjoni tal-politika monetarja.

Id-data reċenti li daħlet dwar l-inflazzjoni kienet ġeneralment kif mistenni, u l-aħħar proġettazzjonijiet tal-persunal tal-BĊE jikkonfermaw il-perspettiva tal-inflazzjoni preċedenti. Il-persunal jaraw li l-inflazzjoni globali se tilħaq medja ta’ 2.5% fl-2024, 2.2% fl-2025 u 1.9% fl-2026, bħal fil-proġettazzjonijiet ta’ Ġunju. L-inflazzjoni hija mistennija li terġa’ togħla fl-aħħar parti ta’ din is-sena, parzjalment għaliex it-tnaqqis qawwi preċedenti fil-prezzijiet tal-enerġija se jaqa’ mir-rati annwali. L-inflazzjoni mbagħad għandha tonqos lejn il-mira tagħna matul it-tieni nofs tas-sena d-dieħla. Għall-inflazzjoni prinċipali, il-proġettazzjonijiet għall-2024 u l-2025 ġew riveduti kemmxejn ’il fuq, peress li l-inflazzjoni fis-servizzi kienet ogħla milli mistenni. Fl-istess ħin, il-persunal ikompli jistenna tnaqqis rapidu fl-inflazzjoni prinċipali, minn 2.9% din is-sena għal 2.3% fl-2025 u 2.0% fl-2026.

L-inflazzjoni domestika tibqa’ għolja hekk kif il-pagi għadhom jogħlew b’ritmu elevat. Madankollu, il-pressjonijiet tal-kost lavorattiv qegħdin jimmoderaw, u l-profitti qegħdin itaffu l-impatt tal-pagi ogħla fuq l-inflazzjoni. Il-kundizzjonijiet tal-finanzjament jibqgħu restrittivi, u l-attività ekonomika għadha kajmana, li tirrifletti konsum privat u investiment dgħajfin. Il-persunal jipproġetta li l-ekonomija se tikber b’0.8% fl-2024, u tiżdied għal 1.3% fl-2025 u 1.5% fl-2026. Din hija reviżjoni ‘l isfel ħafifa meta mqabbla mal-proġettazzjonijiet ta’ Ġunju, l-aktar minħabba kontribut aktar dgħajjef mid-domanda domestika fil-ftit trimestri li ġejjin.

Il-Kunsill Governattiv jinsab iddeterminat li jiżgura li l-inflazzjoni tmur lura għall-mira tiegħu ta’ 2% fuq terminu medju b’mod f’waqtu. Se nżommu r-rati uffiċjali restrittivi biżżejjed għal kemm ikun meħtieġ sabiex tinkiseb din il-mira. Il-Kunsill Governattiv se jkompli jsegwi approċċ dipendenti mid-data u b’approċċ ta’ laqgħa b’laqgħa sabiex jiddetermina l-livell u t-tul taż-żmien xierqa tat-restrizzjoni. B’mod partikolari, id-deċiżjonijiet tiegħu dwar ir-rati tal-imgħax se jkunu bbażati fuq il-valutazzjoni tiegħu tal-prospetti tal-inflazzjoni fid-dawl tad-data ekonomika u finanzjarja li jirċievi, id-dinamika tal-inflazzjoni sottostanti, u s-saħħa tat-trażmissjoni tal-politika monetarja. Il-Kunsill Governattiv mhuwiex jintrabat minn qabel dwar xi trajettorja partikolari għar-rati.

Kif tħabbar fit-13 ta’ Marzu 2024, xi bidliet għall-qafas operazzjonali għall-implimentazzjoni tal-politika monetarja se jidħlu fis-seħħ mit-18 ta’ Settembru. B’mod partikolari, il-firxa bejn ir-rata tal-imgħax fuq l-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament ewlenin u r-rata tal-faċilità tad-depożitu se tiġi stabbilita għal 15-il punt bażi. Il-firxa bejn ir-rata fuq il-faċilità tas-self marġinali u r-rata fuq l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament se jibqgħu l-istess b’25 punt bażi.

Rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE

Il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jbaxxi r-rata tal-faċilità tad-depożitu b’25 punt bażi. Ir-rata tal-faċilità tad-depożitu hija r-rata li permezz tagħha l-Kunsill Governattiv jidderieġi l-pożizzjoni tal-politika monetarja. Barra minn hekk, kif tħabbar fit-13 ta’ Marzu 2024 wara r-rieżami tal-qafas operazzjonali, il-firxa bejn ir-rata tal-imgħax fuq l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament u r-rata tal-faċilità tad-depożitu se tiġi stabbilita għal 15-il punt bażi. Il-firxa bejn ir-rata fuq il-faċilità tas-self marġinali u r-rata fuq l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament se jibqgħu l-istess b’25 punt bażi. Għaldaqstant, ir-rata tal-faċilità tad-depożitu se titnaqqas għal 3.50%. Ir-rati tal-imgħax fuq l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament u l-faċilità ta’ self marġinali se jitnaqqsu għal 3.65% u 3.90% rispettivament. Il-bidliet se jidħlu fis-seħħ fit-18 ta’ Settembru 2024.

Il-program ta’ xiri ta’ assi (APP) u l-programm ta’ xiri għall-emerġenza pandemika (PEPP)

Il-portafoll tal-APP qiegħed jonqos b’ritmu meqjus u prevedibbli, billi l-Eurosistema ma għadhiex tinvesti mill-ġdid il-ħlasijiet prinċipali mit-titoli li jimmaturaw.

L-Eurosistema ma għadhiex tinvesti mill-ġdid il-ħlasijijiet prinċipali kollha mit-titoli li jimmaturaw li nxtraw taħt il-PEPP, li jnaqqas il-portafoll tal-PEPP b’€7.5 biljun fix-xahar bħala medja. Il-Kunsill Governattiv biħsiebu jwaqqaf l-investimenti mill-ġdid taħt il-PEPP fit-tmiem tal-2024.

Il-Kunsill Governattiv għalhekk se jkompli japplika flessibbiltà fl-investiment mill-ġdid ta’ tifdijiet li se jkunu dovuti fil-portafoll tal-PEPP, bil-ħsieb li jiġu miġġielda r-riskji għall-mekkaniżmu ta’ trażmissjoni relatati mal-pandemija.

Operazzjonijiet ta’ rifinanzjament

Hekk kif il-banek qegħdin iħallsu lura l-ammonti meħuda b’self taħt l-operazzjonijiet immirati ta' rifinanzjament għal żmien itwal, il-Kunsill Governattiv se jevalwa regolarment kif l-operazzjonijiet immirati ta’ għoti ta’ self u l-ħlas lura kontinwu tagħhom qegħdin jikkontribwixxu għall-pożizzjoni tal- politika monetarja tiegħu.

***

Il-Kunsill Governattiv jibqa’ lest li jaġġusta l-istrumenti kollha tiegħu fi ħdan il-mandat tiegħu biex jiġi żgurat li l-inflazzjoni terġa’ lura għall-mira tiegħu ta’ 2% fuq żmien medju u li jiġi ppreżervat il-funzjonament bla xkiel tat-trażmissjoni tal-politika monetarja. Barra minn hekk, l-Istrument għall-Protezzjoni tat-Trażmissjoni huwa disponibbli bħala miżura kontra dinamiċi tas-suq mhux ġustifikati u diżordinati li joħolqu theddida serja għat-trażmissjoni tal-politika monetarja fost il-pajjiżi kollha taż-żona tal-euro, biex b’hekk il-Kunsill Governattiv ikun jista’ jwettaq b’mod aktar effettiv il-mandat tiegħu tal-istabbiltà tal-prezzijiet.

Il-President tal-BĊE se tikkummenta dwar il-kunsiderazzjonijiet li wasslu għal dawn id-deċiżjonijiet f’konferenza stampa li tibda fit-14:45 CET illum.

Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja