Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Ċifri ewlenin

1 Rapport amministrattiv

1.1 Għan tar-rapport amministrattiv tal-BĊE

Ir-rapport amministrattiv[1] hu parti integrali tal-Kontijiet Annwali tal-BĊE u hu maħsub biex jipprovdi tagħrif kuntestwali għall-qarrejja fir-rigward tar-rapporti finanzjarji.[2] Minħabba li l-attivitajiet u l-operazzjonijiet tal-BĊE jsiru biex isostnu l-għanijiet tal-politika tiegħu, ir-riżultat finanzjarju u l-pożizzjoni finanzjarja tal-BĊE għandhom jitqiesu flimkien mal-azzjonijiet tal-politika tiegħu.

Għal dan il-għan, ir-rapport amministrattiv jippreżenta l-attivitajiet u l-operazzjonijiet ewlenin tal-BĊE, kif ukoll l-impatt tagħhom fuq ir-rapporti finanzjarji tiegħu. Barra dan, janalizza l-iżviluppi ewlenin fil-Karta tal-Bilanċ u l-Kont tal-Profitt u t-Telf matul is-sena u jinkludi tagħrif dwar ir-riżorsi finanzjarji tal-BĊE. Finalment, jiddeskrivi l-ambjent ta’ riskju li fih jopera l-BĊE, waqt li jipprovdi tagħrif dwar ir-riskji speċifiċi li l-BĊE hu espost għalihom, u l-politika għall-ġestjoni tar-riskji użata biex ittaffihom.

1.2 Kompiti u attivitajiet ewlenin

Il-BĊE hu parti mill-Eurosistema, li għandha l-għan ewlieni li żżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet. Il-BĊE jaqdi l-kompiti tiegħu kif deskritt fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea[3] u fl-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (Statut tal-SEBĊ)[4] (Figura 1). Il-BĊE jmexxi l-attivitajiet tiegħu sabiex iwettaq il-mandat tiegħu u mhux bl-intenzjoni li jiġġenera profitt.

Figura 1

Il-kompiti ewlenin tal-BĊE

L-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema jiġu rreġistrati fir-rapporti finanzjarji tal-BĊE u tal-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro (BĊN), fatt li jirrifletti l-prinċipju tal-implimentazzjoni deċentralizzata tal-politika monetarja fl-Eurosistema. It-Tabella 1 hawn taħt tagħti deskrizzjoni ġenerika tal-operazzjonijiet u l-funzjonijiet ewlenin tal-BĊE mwettqa biex jissodisfa l-mandat tiegħu, u l-impatt tagħhom fuq ir-rapporti finanzjarji tal-BĊE.

Tabella 1

L-attivitajiet ewlenin tal-BĊE u l-impatt tagħhom fuq ir-rapporti finanzjarji tiegħu

Implimentazzjoni tal-politika monetarja

Tmexxija ta’ operazzjonijiet tal-kambju barrani u amministrazzjoni tar-riżervi barranin

Promozzjoni tat-tħaddim bla xkiel tas-sistemi ta’ pagament

Kontribuzzjoni għas-sigurtà u s-solidità tas-sistema bankarja u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja

Oħrajn

1) Dettalji oħra dwar self ta’ titoli jinsabu fis-sit web tal-BĊE.
2) Dettalji oħra fuq il-linji swap tal-munita jinsabu fis-sit web tal-BĊE.

3) Aktar dettalji dwar l-operazzjonijiet ta’ likwidità f’euro tal-Eurosistema kontra kollateral eliġibbli jinsabu fis-sit web tal-BĊE.

4) Dettalji oħra dwar it-TARGET2 jinsabu fis-sit web tal-BĊE.

1.3 Żviluppi finanzjarji

1.3.1 Karta tal-Bilanċ

Il-Karta tal-Bilanċ tal-BĊE espandiet fil-perjodu 2016-2018 l-aktar minħabba l-akkwist nett ta’ titoli taħt il-programm ta’ xiri ta’ assi (APP).[5] Ix-xiri nett taħt dan il-programm waqaf f’Diċembru 2018 u reġa’ beda f’Novembru 2019. Fil-perjodu tal-frattemp il-BĊE investa bis-sħiħ il-pagamenti prinċipali mit-titoli li jimmaturaw miżmuma fil-portafolli tal-APP tiegħu. B’riżultat ta’ dan, ir-ritmu tat-tkabbir tal-karta tal-bilanċ tal-BĊE naqas fl-2019 u kien xprunat prinċipalment miż-żieda fil-valur tas-suq tal-assi tar-riżervi barranin tal-BĊE u fil-valur tal-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni. Fl-2020, sabiex jindirizza l-impatt tal-pandemija tal-koronavirus (COVID-19) il-Kunsill Governattiv iddeċieda dwar pakkett komprensiv ta’ miżuri tal-politika monetarja li kellhom impatt ukoll fuq id-daqs tal-Karta tal-Bilanċ tal-BĊE.

Fl-2020 l-assi totali tal-BĊE żdiedu b’€112.2 biljun għal €569.3 biljun, l-aktar minħabba s-sehem tiegħu fix-xiri ta’ titoli fil-programm ta’ xiri għall-emerġenza pandemika (PEPP)[6] u l-APP. Dan ix-xiri rriżulta f’żieda fit-“Titoli miżmuma għall-għanijiet tal-politika monetarja”, waqt li l-ħlas bi flus kontanti għal dan ix-xiri permezz tal-kontijiet tat-TARGET2 wassal għal żieda korrispondenti fl-“Obbligazzjonijiet fi ħdan l-Eurosistema”. Iż-żieda fil-valur tal-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni kkontribwixxiet ukoll għal din iż-żieda.

Ċart 1

Komponenti ewlenin tal-Karta tal-Bilanċ tal-BĊE

(biljuni ta’ EUR)

Sors: BĊE.

Titoli denominati f’euro miżmuma għall-għanijiet tal-politika monetarja kienu jirrappreżentaw 61% tal-assi totali tal-BĊE fi tmiem l-2020. Taħt din il-pożizzjoni tal-karta tal-bilanċ il-BĊE għandu titoli akkwistati fil-kuntest tal-Programm tas-Swieq tat-Titoli (SMP), it-tliet programmi ta’ xiri ta’ bonds garantiti (CBPP1, CBPP2 u CBPP3), l-ABSPP u l-PSPP u l-PEPP.

Fl-2020 il-Kunsill Governattiv ħa diversi deċiżjonijiet rigward ix-xiri ta’ titoli miżmuma għal skopijiet ta’ politika monetarja biex jikkontrobattu r-riskji serji għat-trażmissjoni tal-politika monetarja u l-prospetti għaż-żona tal-euro kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19. B’mod partikolari, f’Marzu 2020 il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jżid mar-ritmu eżistenti tax-xiri ta’ €20 biljun fix-xahar taħt l-APP, pakkett temporanju ta’ xiri nett addizzjonali ta’ assi ta’ €120 biljun sal-aħħar tas-sena.[7] Aktar tard dak ix-xahar, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jniedi l-PEPP b’pakkett inizjali ta’ €750 biljun sal-aħħar tas-sena.[8] Bi tweġiba għall-iżvilupp tal-pandemija, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jżid il-pakkett inizjali tal-PEPP b’ €600 biljun f’Ġunju 2020[9] u b’€500 biljun addizzjonali f’Diċembru 2020[10], u żied il-pakkett totali għal €1,850 biljun. Huwa ddeċieda wkoll li jestendi x-xiri ta’ assi netti taħt il-PEPP sa mill-inqas l-aħħar ta’ Marzu 2022 u, fi kwalunkwe każ, sakemm jiġġudika li l-fażi tal-kriżi COVID-19 spiċċat.

Bħala riżultat tax-xiri, il-portafoll ta’ titoli miżmuma mill-BĊE għal skopijiet ta’ politika monetarja żdied b’ €98.6 biljun għal €349.0 biljun fl-2020 (Ċart 2), bix-xiri tal-PEPP jammonta għal ħafna minn din iż-żieda. It-tnaqqis fl-investimenti fl-SMP, is-CBPP1 u s-CBPP2 kien dovut għal fidi, li ammonta għal €1.4 biljun.

Ċart 2

Titoli miżmuma għall-għanijiet tal-politika monetarja

(biljuni ta’ EUR)

Sors: BĊE.

Għall-programmi attivi ta’ titoli miżmuma għal skopijiet ta’ politika monetarja, jiġifieri l-APP u l-PEPP, titoli miżmuma mill-BĊE fi tmiem ta’ Diċembru 2020 kellhom profil ta’ maturità diversifikat[11] (Ċart 3).

Ċart 3

Profil tal-maturità tal-APP u l-PEPP

Sors: BĊE.
Nota: Għal titoli sostnuti minn assi l-profil ta’ maturità huwa bbażat fuq it-tul ta’ żmien medju ppeżat tat-titoli aktar milli fuq id-data ta’ maturità legali.

Fl-2020 il-valur totali ekwivalenti f’euro tal-assi tal-BĊE f’riżervi barranin, li jikkonsistu f’deheb, drittijiet speċjali ta’ ġbid, dollari Amerikani, yen Ġappuniż u renminbi Ċiniż, baqgħu prattikament l-istess f’€75.8 biljun.

Il-valur ekwivalenti f’euro tal-investimenti tal-BĊE f’deheb u ammonti riċevibbli f’deheb żdied bi €3.1 biljun għal €25.1 biljun fl-2020 (Ċart 3), minħabba żieda fil-prezz tas-suq tad-deheb f’termini ta’ euro, waqt li d-daqs ta’ dawn l-investimenti f’uqiji fini ma nbidilx. Din iż-żieda wasslet ukoll għal żieda ekwivalenti fil-kontijiet ta’ rivalutazzjoni tad-deheb tal-BĊE (ara t-Taqsima 1.3.2 “Riżorsi finanzjarji”).

Ċart 4

Investimenti f’deheb u prezz tad-deheb

(skala tax-xellug: EUR biljuni; skala tal-lemin: euro għal kull uqija fina ta’ deheb)

Sors: BĊE.
Nota: "Kontijiet ta’ rivalutazzjoni tad-deheb" ma tinkludix il-kontribuzzjonijiet tal-banek ċentrali tal-Istati Membri li ssieħbu fiż-żona tal-euro wara l-1 ta’ Jannar 1999 għall-kontijiet akkumulati ta’ rivalutazzjoni tad-deheb tal-BĊE fil-jum ta’ qabel id-dħul tagħhom fl-Eurosistema.

L-investimenti netti tal-BĊE f’munita barranija[12] miżmuma f’dollari Amerikani, yen Ġappuniżi u renminbi Ċiniżi, naqsu f’termini ta’ euro bi €3.0 biljun għal €50.1 biljun (Ċart 5), l-iżjed minħabba d-deprezzament tad-dollaru Amerikan kontra l-euro. Dan id-deprezzament tad-dollaru Amerikan jidher ukoll f’bilanċi iktar baxxi fil-kontijiet ta’ rivalutazzjoni tal-BĊE (ara t-Taqsima 1.3.2 “Riżorsi finanzjarji”).

Ċart 5

Investimenti f’munita barranija

(biljuni ta’ EUR)

Sors: BĊE.

Id-dollaru Amerikan baqa’ l-komponent ewlieni fl-investimenti tal-BĊE f’munita barranija, u rappreżentaw madwar 76% tat-total fi tmiem is-sena 2020.

Il-BĊE jamministra l-investiment tar-riżervi tiegħu f’munita barranija bl-użu ta’ approċċ bi tliet stadji. L-ewwel, portafoll referenzjali strateġiku jitfassal mill-maniġers tar-riskju tal-BĊE u jiġi approvat mill-Kunsill Governattiv. It-tieni, il-maniġers tal-portafolli tal-BĊE jfasslu l-portafoll referenzjali tattiku, li jiġi approvat mill-Bord Eżekuttiv. It-tielet, isiru operazzjonijiet ta’ investiment ta’ kuljum b’mod deċentralizzat mill-BĊN fuq bażi ta’ kuljum.

Ir-riżervi tal-BĊE f’munita barranija jiġu investiti l-aktar f’titoli u f’depożiti tas-suq monetarju jew jinżammu f’kontijiet kurrenti (Ċart 6). It-titoli f’dan il-portafoll jiġu vvalutati bil-prezzijiet tas-suq tal-aħħar tas-sena.

Ċart 6

Kompożizzjoni tal-investimenti f’munita barranija

(biljuni ta’ EUR)

Sors: BĊE.

L-għan tar-riżervi f’munita barranija tal-BĊE hu li jiffinanzjaw interventi potenzjali fis-suq tal-kambju barrani. Għal din ir-raġuni, ir-riżervi tal-BĊE f’munita barranija jiġu amministrati skont tliet għanijiet: (f’ordni ta’ prijorità), likwidità, sigurtà u redditu. Għalhekk, dan il-portafoll jinkludi l-aktar titoli b’maturità qasira (Ċart 7).

Ċart 7

Profil tal-maturità tat-titoli denominati f’munita barranija

Sors: BĊE.

Fl-2020 il-valur tal-portafoll tal-fondi proprji żdied b’€0.1 biljun għal €20.7 biljun (Ċart 8), l-aktar minħabba l-investiment mill-ġdid tad-dħul mill-imgħax iġġenerat u ż-żieda fil-valur tas-suq tat-titoli miżmuma f’dan il-portafoll. Il-portafoll jikkonsisti l-aktar minn titoli denominati f’euro li jiġu vvalutati bil-prezzijiet tas-suq ta’ tmiem is-sena. Fl-2020 it-titoli tad-dejn tal-gvern ammontaw għal 73% tal-portafoll totali.

Ċart 8

Il-portafoll tal-fondi proprji tal-BĊE

(biljuni ta’ EUR)

Sors: BĊE.

Il-portafoll tal-fondi proprji tal-BĊE fil-biċċa l-kbira jikkonsisti f’investimenti tar-riżorsi finanzjarji tal-BĊE, jiġifieri l-kapital imħallas u l-ammonti miżmuma fir-riżervi u l-provediment għal riskji finanzjarji. Minħabba l-investiment mill-ġdid tar-rikavati mid-dħul u l-valutazzjoni tat-titoli bil-prezzijiet tas-suq, il-portafoll tal-fondi proprji u r-riżorsi finanzjarji msemmija qabel mhux neċessarjament jikkorrispondu fid-daqs. L-għan ta’ dan il-portafoll hu li jipprovdi dħul biex jgħin fil-finanzjament tal-ispejjeż operattivi tal-BĊE li m’għandhomx x’jaqsmu mal-konklużjoni tal-kompiti superviżorji tiegħu.[13] Huwa investit f’assi denominati f’euro, suġġett għal-limiti imposti mill-qafas tal-kontroll tar-riskju tiegħu. Dan jirriżulta fi struttura ta’ maturità iżjed diversifikata (Ċart 9), minn dik tal-portafoll tar-riżervi f’munita barranija.

Ċart 9
Profil tal-maturità tat-titoli tal-fondi proprji tal-BĊE

Sors: BĊE.

Fl-aħħar tal-2020, il-valur totali tal-karti tal-flus euro fiċ-ċirkolazzjoni kien ta’ €1,434.5 biljun, żieda ta’ 11% meta mqabbel mal-aħħar tal-2019. Il-BĊE ġie allokat sehem ta’ 8% mit-total tal-valur tal-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni, li ammonta għal €114.8 biljun fl-aħħar tas-sena. Billi l-BĊE ma joħroġx karti tal-flus huwa stess għandu klejms intra-Eurosistema fil-konfront tal-BĊN taż-żona tal-euro għal valur ekwivalenti għall-valur tal-karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni.

L-obbligazzjonijiet intra-Eurosistema tal-BĊE, li prinċipalment jinkludi l-bilanċ nett tat-TARGET2 tal-BĊN taż-żona tal-euro vis-à-vis il-BĊE u l-obbligazzjonijiet tal-BĊE fir-rigward tal-assi tar-riżervi barranin ittrasferiti lilu mill-BĊN taż-żona tal-euro meta ngħaqdu mal-Eurosistema, żdied b’€103.8 biljun għal €378.4 biljun fi tmiem l-2020. Iż-żieda fl-obbligazzjonijiet intra-Eurosistema fl-2020, kif ukoll l-iżvilupp tagħhom matul il-perjodu 2016-2019, kienet xprunata l-aktar mill-evoluzzjoni tal-obbligazzjoni netta tat-TARGET2 bħala riżultat tax-xiri nett ta’ titoli tal-BĊE miżmum għall-finijiet tal-politika monetarja, li jiġu saldati permezz tal-kontijiet TARGET2 (Ċart 10).

Ċart 10

Dħul nett mill-imgħax fuq titoli miżmuma għall-għanijiet tal-politika monetarja

(biljuni ta’ EUR)

Sors: BĊE.

1.3.2 Riżorsi finanzjarji

Ir-riżorsi finanzjarji tal-BĊE jikkonsistu mill-kapital tiegħu, il-provediment għar-riskju finanzjarju, il-kontijiet ta’ rivalutazzjoni u l-profitt għas-sena. Dawn ir-riżorsi finanzjarji (i) jiġu investiti f’assi li jiġġeneraw dħul u/jew (ii) jintużaw biex ipattu direttament għal telf li jirriżulta minn riskji finanzjarji. Sal-31 ta’ Diċembru 2020, ir-riżorsi finanzjarji tal-BĊE ammontaw għal total ta’ €46.2 biljun (Ċart 11). Dan kien €1.5 biljun inqas mill-2019, prinċipalment minħabba (i) it-tnaqqis fil-kontijiet ta’ rivalutazzjoni wara l-apprezzament tal-euro kontra d-dollaru Amerikan u (ii) it-tnaqqis fil-profitt fl-2020.

Ċart 11

Ir-riżorsi finanzjarji tal-BĊE

(biljuni ta’ EUR)

Sors: BĊE.
Nota: Il-”Kontijiet ta’ rivalutazzjoni” jinkludu l-qligħ totali mir-rivalutazzjoni tal-investiment f’deheb, munita barranija u titoli, iżda jeskludu l-kont tar-rivalutazzjoni għall-benefiċċji ta’ wara l-impjieg.

Il-qligħ mhux realizzat mid-deheb, mill-muniti barranin u mit-titoli li hu suġġett għar-rivalutazzjoni tal-prezzijiet mhux rikonoxxut bħala dħul fil-Kont tal-Profitt u t-Telf iżda jidħol direttament fil-kontijiet ta’ rivalutazzjoni li jidhru fuq in-naħa tal-passiv tal-Karta tal-Bilanċ tal-BĊE. Il-bilanċi f’dawn il-kontijiet jistgħu jintużaw biex jassorbu l-impatt ta’ ċaqliq sfavorevoli fil-prezzijiet u/jew fir-rati tal-kambju rispettivi fil-ġejjieni, u b’hekk isaħħu r-reżiljenza tal-BĊE kontra r-riskji bażi. Fl-2020 il-kontijiet ta’ rivalutazzjoni għad-deheb, il-muniti barranin u t-titoli[14] naqsu bi €0.9 biljun, għal €29.3 biljun, minħabba l-bilanċi ta’ rivalutazzjoni aktar baxxi f’muniti barranin bħala riżultat ta’ l-apprezzament tal-euro kontra d-dollaru Amerikan u l-yen Ġappuniż (Ċart 12). Dan it-tnaqqis kien parzjalment ikkumpensat biż-żieda fil-bilanċi tar-rivalutazzjoni tad-deheb bħala riżultat taż-żieda fil-prezz tas-suq tad-deheb.

Ċart 12

Ir-rati ewlenin tal-kambju barrani u l-prezz tad-deheb matul il-perjodu 2016-20

(bidliet perċentwali vis-à-vis l-2016; dejta ta’ tmiem is-sena)

Sors: BĊE.

Minkejja t-tluq tal-Bank of England mis-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ), il-kapital tal-BĊE mħallas mill-BĊN taż-żona tal-euro u mhux taż-żona tal-euro baqa’ l-istess fl-2020 f’€7.7 biljun, minħabba li l-BĊN li fadal koprew il-kapital imħallas ta’ €58 miljun tal-Bank of England li rtira. Il-kapital imħallas totali tal-BĊE se jiżdied minn €7.7 biljun fl-2020 għal €8.9 biljun fl-2022, peress li l-ishma tal-BĊN taż-żona tal-euro fil-kapital sottoskritt tal-BĊE żdiedu wara l-irtirar tal-Bank of England mis-SEBĊ u se jitħallas kollu f’żewġ pagamenti annwali ta’ madwar €0.6 biljun kull wieħed fl-2021 u l-2022[15]

Fid-dawl tal-espożizzjoni tiegħu għar-riskji finanzjarji (ara t-Taqsima 1.4.1 “Riskji finanzjarji”), il-BĊE jżomm provediment għar-riskji finanzjarji. Id-daqs ta’ dan il-provediment jiġi eżaminat kull sena billi titqies firxa ta’ fatturi, fosthom il-livell ta’ investimenti ta’ assi suġġetti għal riskju, ir-riżultati mbassrin għas-sena li jmiss u valutazzjoni tar-riskju. Il-provediment għar-riskju finanzjarju, flimkien mal-ammont miżmum fil-fond ġenerali tar-riżervi tal-BĊE, m’għandhomx jaqbżu l-valur tal-kapital imħallas mill-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro.

Fl-2020, bħala riżultat tal-aġġustament tal-ishma ewlenin tal-kapital tal-BĊN wara l-irtirar tal-Bank of England mis-SEBĊ u d-deċiżjonijiet relatati tal-Kunsill Governattiv dwar il-kapital tal-BĊE, il-BĊN taż-żona tal-euro ħallsu €48 miljun fil-kapital imħallas tal-BĊE, u b’hekk jiżdied il-limitu statutorju ta’ fuq tal-provediment għal riskji finanzjarji b’ammont ugwali. Meta qies ir-riżultati tal-valutazzjoni tal-iskoperturi tal-BĊE għal riskji finanzjarji, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jittrasferixxi €48 miljun għall-provediment ta’ riskji finanzjarji tal-BĊE, biex b’hekk id-daqs tiegħu jiżdied għal-livell massimu permess ta’ €7.6 biljun.

Il-profitt mill-assi u l-obbligazzjonijiet tal-BĊE għal sena finanzjarja partikolari jista’ jintuża biex jassorbi telf potenzjali mġarrab fl-istess sena. Fl-2020, il-profitt tal-BĊE kien ta’ €1.6 biljun (ara t-Taqsima 1.3.3 “Kont tal-Profitt u t-Telf”).

1.3.3 Kont tal-Profitt u t-Telf

Wara bosta snin ta’ żidiet fil-profitt annwali tal-BĊE, l-aktar minħabba żieda fid-dħul mill-imgħax iġġenerat fuq assi ta’ riżervi barranin u fuq titoli miżmuma għal skopijiet ta’ politika monetarja, din it-tendenza inqalbet fl-2020 (Ċart 13).

Fl-2020 il-qligħ tal-BĊE kien ta’ €1,643 miljun (2019: €2,366 miljun). Iż-żieda ta’ €722 miljun imqabbla mal-2019 kienet dovuta l-aktar għaż-żieda fid-dħul nett mill-imgħax.

Ċart 13

Komponenti ewlenin tal-Kont tal-Profitt u t-Telf tal-BĊE

(miljuni ta’ EUR)

Sors: BĊE.
Nota: “Dħul u spejjeż oħra” tikkonsisti minn “Dħul/spejjeż netti minn tariffi u kummissjonijiet”, “Dħul mill-ishma azzjonarji u l-interessi azzjonarji”, “Dħul ieħor” u “Spejjeż oħra”.

Id-dħul nett mill-imgħax tal-BĊE naqas bi €669 miljun għal €2,017 miljun (Ċart 14), l-iżjed minħabba dħul anqas mill-imgħax minn fuq l-assi tar-riżervi barranin. Id-dħul mill-imgħax fuq titoli miżmumin għal finijiet ta’ politika monetarja naqas ukoll.

Ċart 14

Dħul nett mill-imgħax

(miljuni ta’ EUR)

Sors: BĊE.

Id-dħul mill-imgħax nett fuq assi f’riżervi barranin naqas minn €577 miljun għal €474 miljun, l-aktar minħabba t-tnaqqis fid-dħul mill-imgħax fuq titoli denominati f’dollari Amerikani. Minħabba x-xejra li qed tonqos fir-rendiment ta’ titoli f’dollari Amerikani matul il-biċċa l-kbira tal-2019 u l-2020 (Ċart 15), b’mod partikolari għal maturitajiet qosra, il-BĊE akkwista titoli b’rendimenti aktar baxxi, u b’hekk naqqas ir-rendiment medju tal-portafoll tad-dollaru Amerikan meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. Dan kellu impatt negattiv fuq id-dħul mill-imgħax li nkiseb fuq dan il-portafoll matul l-2020.

Ċart 15

Rendiment tal-bonds tal-gvern fl-Istati Uniti, il-Ġappun u ċ-Ċina

(perċentwali fis-sena; dejta fl-aħħar tax-xahar)

Sors: BĊE.

Id-dħul nett mill-imgħax ġenerat fuq titoli miżmuma għall-għanijiet tal-politika monetarja fl-2020 kien ta’ €1,337 miljun, li kien €110 miljun inqas milli kien fl-2019 (Ċart 16). L-impetu ewlieni tat-tnaqqis kien tnaqqis fid-dħul nett mill-imgħax fuq il-portafolli SMP, CBPP1 u CBPP2, li naqas bi €118 miljun għal €193-il miljun, minħabba t-tnaqqis fid-daqs ta’ dawn il-portafolli bħala riżultat tat-titoli li mmaturaw. Barra minn hekk, id-dħul nett negattiv mill-imgħax fuq il-portafoll PEPP ta’ €41 miljun ikkontribwixxa wkoll għat-tnaqqis ġenerali fid-dħul mill-imgħax tat-titoli relatati mal-politika monetarja. Id-dħul nett negattiv mill-imgħax fuq il-portafoll PEPP kien dovut għar-rendiment medju negattiv fuq it-titoli tas-settur pubbliku mixtrija bħala riżultat tar-rendimenti tal-bonds sovrani taż-żona tal-euro baxxi fl-2020 (Ċart 17). Fl-istess ħin, id-dħul nett mill-imgħax li ġej mit-titoli APP żdied bi €48 miljun għal €1,184 miljun. Iż-żieda rriżultat prinċipalment mill-portafoll tal-PSPP minħabba primjum tal-amortizzazzjoni aktar baxx fuq investimenti tal-PSPP akkwistati fis-snin ta’ qabel.[16]

Fl-2020, it-titoli miżmuma għall-għanijiet tal-politika monetarja ġġeneraw madwar 66% tad-dħul nett tal-BĊE mill-imgħax.

Ċart 16

Dħul nett mill-imgħax fuq titoli miżmuma għall-għanijiet tal-politika monetarja

(miljuni ta’ EUR)

Sors: BĊE.

Ċart 17

Rendimenti tal-bonds tal-gvern ta’ għaxar snin fiż-żona tal-euro

(perċentwali fis-sena; dejta fl-aħħar tax-xahar)

Sors: BĊE.

Kemm id-dħul mill-imgħax fuq is-sehem tal-BĊE tat-total ta’ karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni kif ukoll l-ispiża tal-imgħax relatata mal-klejms tal-BĊN fir-rigward tar-riżervi barranin trasferiti kien żero minħabba r-rata tal-imgħax ta’ 0% użata mill-Eurosistema fl-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament tagħha (MROs) fl-2020.

Id-dħul nett mill-imgħax ieħor żdied, prinċipalment minħabba dħul ogħla mill-imgħax fuq id-depożiti aċċettati mill-BĊE, li kien l-aktar dovut minħabba bilanċi medji ogħla matul l-2020. Din iż-żieda aktar milli ikkumpensat għad-dħul minn imgħax iżjed baxx fuq il-portafoll tal-fondi proprji, li rriżulta mill-ambjent ta’ redditi baxxi fiż-żona tal-euro (Ċart 17).

Ir-riżultat nett tal-operazzjonijiet finanzjarji u l-valutazzjoni negattiva fuq l-assi finanzjarji ammonta għal qligħ ta’ €316 miljun (Ċart 18). Dan ir-riżultat kien ta’ €139 miljun ogħla minn dak tal-2019, l-iżjed minħabba qligħ ogħla realizzati fuq il-prezzijiet.

Iż-żieda fil-qligħ nett realizzat fuq il-prezzijiet kien dovut l-iżjed għal qligħ ogħla fuq bejgħ ta’ titoli denominati f’dollari Amerikani, billi l-valur tas-suq tagħhom kien affettwat mit-tnaqqis fir-redditi fuq id-dollaru Amerikan matul is-sena.

Ċart 18

Riżultati realizzati u valutazzjonijiet negattivi

(miljuni ta’ EUR)

Sors: BĊE.

Barra minn hekk, fl-31 ta’ Diċembru 2020, ammont ta’ €48 miljun ġie ttrasferit għall-provediment tal-BĊE għal riskji finanzjarji. Wara li qies ir-riżultati tal-istima tar-riskju tiegħu, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jżid id-daqs tal-provediment għar-riskji finanzjarji għal €7,584 miljun, u b’hekk jilħaq l-ogħla limitu tiegħu kif iddefinit mill-kapital imħallas tal-BĊN taż-żona tal-euro. B’kuntrast, fl-2019 ġie rilaxxat ammont ta’ €84 miljun sabiex ikun hemm konformità mal-limitu massimu (ara t-Taqsima 1.3.2 “Riżorsi finanzjarji”).

L-ispejjeż operattivi totali tal-BĊE, inkluż id-deprezzament u s-servizzi tal-produzzjoni tal-karti tal-flus, żdiedu bi €43 miljun għal €1,199 miljun (Ċart 19). Iż-żieda meta mqabbla mal-2019 hija dovuta l-aktar għal spejjeż ogħla tal-persunal bħala riżultat ta’ (i) numru medju ogħla ta’ persunal fl-2020, prinċipalment fis-superviżjoni bankarja, u (ii) l-ispiża ogħla fir-rigward tal-benefiċċji ta’ wara l-impjieg, li huwa r-riżultat tal-użu ta’ rata ta’ skont aktar baxxa għall-valutazzjoni attwarja fi tmiem l-2020. L-ispejjeż amministrattivi naqsu, primarjament fir-rigward ta’ kompiti superviżorji, l-aktar minħabba appoġġ imnaqqas ta’ konsulenza esterna wara l-finalizzazzjoni tar-Reviżjoni Mirata ta’ Mudelli Interni (TRIM) u vjaġġi fuq xogħol mnaqqsa minħabba razzjonalizzazzjoni sostanzjali ta’ attivitajiet superviżorji fuq il-post fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19. Dan it-tnaqqis ġie parzjalment ikkumpensat minn spejjeż ogħla tat-teknoloġija tal-informazzjoni (IT) minħabba d-domanda sinifikanti għal servizzi tal-IT b’rabta max-xogħol mill-bogħod fl-2020.

L-ispejjeż relatati mas-superviżjoni bankarja huma koperti għalkollox permezz ta’ tariffi imposti fuq l-entitajiet taħt superviżjoni. Abbażi tal-ispiża attwali tal-BĊE għat-twettiq tal-kompiti superviżorji bankarji tiegħu, id-dħul mit-tariffi superviżorji għall-2020 kien ta’ €535 miljun.[17]

Ċart 19

Spejjeż operattivi u dħul mit-tariffi superviżorji

(miljuni ta’ EUR)

Sors: BĊE.

1.4 Ġestjoni tar-riskju

Il-ġestjoni tar-riskju hi parti kritika tal-attivitajiet tal-BĊE u titwettaq permezz ta’ proċess kontinwu ta’ (i) identifikazzjoni u valutazzjoni tar-riskji, (ii) analiżi tal-istrateġija u l-politika tar-riskju, (iii) l-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet li jtaffu r-riskju, u (iv) sorveljanza u rappurtar tar-riskju, kollha azzjonijiet sostnuti b’metodoloġiji, proċessi u sistemi effettivi.

Figura 2

Ċiklu tal-ġestjoni tar-riskju

It-taqsimiet li ġejjin jiffokaw fuq ir-riskji, is-sorsi tagħhom u l-oqfsa applikabbli tal-kontroll tar-riskju.

1.4.1 Riskji finanzjarji

Il-Bord Eżekuttiv jipproponi politika u proċeduri li jiżguraw livell xieraq ta’ protezzjoni kontra r-riskji finanzjarji li l-BĊE hu espost għalihom. Il-Kumitat tal-Ġestjoni tar-Riskju (RMC), li jinkludi esperti mill-banek ċentrali tal-Eurosistema, jikkontribwixxi għas-sorveljanza, il-kejl u r-rappurtar tar-riskji finanzjarji relatati mal-karta tal-bilanċ tal-Eurosistema, u jiddefinixxi u jeżamina mill-ġdid il-metodoloġiji u l-oqfsa assoċjati. B’dan il-mod, l-RMC jgħin lill-korpi deċiżjonali biex jiġi żgurat livell xieraq ta’ protezzjoni għall-Eurosistema.

Ir-riskji finanzjarji jiġu mill-attivitajiet ewlenin tal-BĊE u mill-iskoperturi assoċjati. L-oqfsa u l-limiti tal-kontroll tar-riskju li juża l-BĊE biex jamministra l-profil tar-riskju tiegħu f’kull tip ta’ operazzjoni, jirriflettu l-għanijiet tal-politika jew tal-investiment tad-diversi portafolli kif ukoll il-karatteristiċi tar-riskju tal-assi bażi.

Biex jissorvelja u jivvaluta r-riskji, il-BĊE juża għadd ta’ metodi tekniċi ta’ valutazzjoni tar-riskju żviluppati mill-esperti tiegħu. Dawn il-metodi tekniċi huma bbażati fuq qafas konġunt ta’ simulazzjoni tar-riskji tas-suq u tal-kreditu. Il-kunċetti, it-teknika u l-konġetturi tal-mudelli ewlenin li jiffurmaw il-bażi tal-miżuri tar-riskju jużaw standards tal-industrija u dejta tas-suq disponibbli. Ir-riskji huma kwantifikati tipikament bħala l-iżbilanċ mistenni (ES),[18] stmat fil-livell ta’ fiduċja ta’ 99%, fuq perjodu ta’ sena. Jintużaw żewġ metodi għall-kalkolu tar-riskji: (i) il-metodu tal-kontabilità, fejn il-kontijiet ta’ rivalutazzjoni tal-BĊE jitqiesu bħala bafer fl-istimi tal-kalkolu tar-riskju skont ir-regoli applikabbli kollha tal-kontabilità; u (ii) il-metodu finanzjarju, fejn il-kontijiet ta’ rivalutazzjoni ma jitqiesux bħala bafer fil-kalkolu tar-riskju. Il-BĊE jikkalkola wkoll miżuri oħra tar-riskju fuq livelli differenti ta’ fiduċja, jagħmel analiżijiet ta’ sitwazzjonijiet ta’ sensittività u stress, u jivvaluta tbassir fit-tul tal-iskoperturi u d-dħul biex dejjem ikollu stampa komprensiva tar-riskji.[19]

Ir-riskji totali tal-BĊE żdiedu matul is-sena. Fl-aħħar tal-2020, ir-riskji finanzjarji totali għall-portafolli tal-BĊE kollha flimkien, kif imkejlin bl-ES f’livell ta’ fiduċja ta’ 99% fuq perjodu ta’ sena taħt il-metodu tal-kontabilità, kienu ta’ €12.8 biljun, li kien €4.6 biljun ogħla mir-riskji stmati fil-31 ta’ Diċembru 2019 (ara ċ-Ċart 20). Iż-żieda fir-riskji stmati hija prinċipalment attribwibbli għax-xiri ta’ assi netti kemm tal-PEPP kif ukoll tal-APP.

Ċart 20

Riskji finanzarji totali (ES 99% approċċ ta’ kontabilità)

(biljuni ta’ EUR)

Sors: BĊE.

Ir-riskju għall-kreditu jiġi mill-portafolli tal-politika monetarja tal-BĊE, mill-portafoll tal-fondi proprji tiegħu u mill-investimenti tar-riżervi barranin tiegħu. Waqt li t-titoli miżmuma għall-għanijiet tal-politika monetarja jiġu vvalutati b’kost amortizzat suġġett għal indeboliment u għalhekk, fin-nuqqas ta’ bejgħ, mhumiex suġġetti għal bidliet fil-prezzijiet assoċjati ma’ migrazzjoni tal-kreditu, xorta waħda huma suġġetti għal riskju ta’ inadempjenza tal-kreditu. Il-fondi proprji denominati f’euro u r-riżervi barranin jiġu vvalutati bil-prezz tas-suq u, bħala tali, huma suġġetti għar-riskju tal-migrazzjoni tal-kreditu u tal-inadempjenza. Ir-riskju tal-kreditu żdied meta mqabbel mas-sena ta’ qabel minħabba l-espansjoni tal-Karta tal-Bilanċ tal-BĊE permezz ta’ xiri ta’ titoli taħt l-APP u l-PEPP.

Ir-riskju tal-kreditu jittaffa l-iżjed permezz tal-applikazzjoni tal-kriterji tal-eliġibbiltà, tal-proċeduri tad-diliġenza dovuta u l-limiti li jvarjaw fil-portafolli kollha.

Ir-riskji tal-munita u tal-materja prima jiġu mill-investimenti tal-BĊE f’munita barranija u f’deheb. Ir-riskju tal-munita żdied meta mqabbel mas-sena ta’ qabel minħabba kontijiet ta’ rivalutazzjoni tal-muniti aktar baxxi, li jaġixxu bħala bafers kontra ċaqliq negattiv tar-rata tal-kambju.

Minħabba r-rwol ta’ dawn l-assi fil-politika, il-BĊE ma jfittix li jelimina r-riskji relatati mal-munita u l-materja prima. Minflok, dawn ir-riskji jittaffew permezz tal-kontijiet ta’ rivalutazzjoni eżistenti u d-diversifikazzjoni tal-investimenti fil-muniti differenti u d-deheb.

Ir-riżervi barranin tal-BĊE u l-fondi proprji denominati f’euro jiġu investiti l-iżjed f’titoli bi dħul fiss u huma suġġetti għar-riskju tar-rata tal-imgħax valutat skont is-suq, billi jiġu vvalutati bil-prezzijiet tas-suq. L-investimenti tar-riżervi barranin tal-BĊE huma investiti l-iżjed f’assi b’maturità relattivament qasira (ara ċ-Ċart 7 fis-Taqsima 1.3.1 “Karta tal-Bilanċ”), filwaqt li l-assi fil-portafoll tal-fondi proprji ġeneralment ikollhom maturitajiet itwal (ara ċ-Ċart 9 fit-Taqsima 1.3.1 “Karta tal-Bilanċ”). Dan il-komponent tar-riskju, kif imkejjel skont l-approċċ tal-kontabilità, żdied xi ftit meta mqabbel mal-2019 li jirrifletti l-iżviluppi fil-kundizzjonijiet tas-suq.

Ir-riskju tar-rata tal-imgħax valutat skont is-suq jittaffa permezz tal-politika tal-allokazzjoni tal-assi u l-kontijiet ta’ rivalutazzjoni.

Il-BĊE hu suġġett ukoll għar-riskju tar-rata tal-imgħax li jirriżulta mid-diskrepanza bejn ir-rata tal-imgħax li jdaħħal fuq l-assi tiegħu u r-rata tal-imgħax li jħallas fuq l-obbligazzjonijiet tiegħu, u dan għandu impatt fuq id-dħul nett tiegħu mill-imgħax. Dan ir-riskju mhuwiex marbut direttament ma’ xi portafoll partikolari, iżda pjuttost mal-istruttura tal-Karta tal-Bilanċ tal-BĊE kollha kemm hi, u b’mod partikolari, l-eżistenza ta’ diskrepanzi fil-maturità u r-redditu bejn l-assi u l-obbligazzjonijiet. Huwa mmonitorjat permezz ta’ tbassir tal-profittabilità tal-BĊE li jindika li l-BĊE huwa mistenni li jkompli jaqla’ d-dħul mill-imgħax nett fis-snin li ġejjin.

Din ix-xorta ta’ riskju tiġi amminstrata permezz tal-politika tal-allokazzjoni ta’ assi u tittaffa ulterjorment bl-eżistenza ta’ obbligazzjonijiet mhux remunerati fil-Karta tal-Bilanċ tal-BĊE.

1.4.2 Riskju operattiv

Il-Bord Eżekuttiv hu responsabbli għal, u japprova l-politika u l-qafas tal-ġestjoni tar-risku[20] operattiv (ORM) tal-BĊE. Il-Kumitat għar-Riskju Operattiv (ORC) jgħin lill-Bord Eżekuttiv fil-qadi tar-rwol tiegħu fis-sorveljanza tal-ġestjoni tar-riskji operattivi. L-ORM hu parti integrali tal-istruttura tal-governanza[21] u l-proċessi ta’ ġestjoni tal-BĊE.

L-għan ewlieni tal-qafas ORM tal-BĊE hu li jagħti kontribut biex jiżgura li l-BĊE jilħaq il-missjoni u l-għanijiet tiegħu, filwaqt li jħares ir-reputazzjoni u l-assi tiegħu kontra t-telf, l-użu ħażin u d-danni. Fil-qafas tal-ORM, kull qasam ta’ ħidma hu responsabbli biex jidentifika, jivvaluta, jirreaġixxi għal, jirrapporta dwar u jissorvelja r-riskji, l-inċidenti u l-kontrolli operattivi tiegħu. F’dan il-kuntest, il-politika tal-BĊE relatata mat-tolleranza tar-riskju tipprovdi gwida fir-rigward tal-istrateġiji ta’ reazzjoni għar-riskju u l-proċeduri ta’ aċċettazzjoni tar-riskju. Hi marbuta ma’ matriċi ta’ riskju ta’ ħamsa b’ħamsa abbażi ta’ skali ta’ gradazzjoni tal-impatt u l-probabbiltà bl-applikazzjoni ta’ kriterji kwantitattivi u kwalitattivi.

L-ambjent li fih jopera l-BĊE hu espost għal theddid dejjem iktar kumpless u hemm firxa wiesgħa ta’ riskji operattivi assoċjati mal-attivitajiet ta’ kuljum tal-BĊE. L-oqsma ewlenin ta’ tħassib għall-BĊE jinkludu firxa wiesgħa ta’ riskji mhux finanzjarji li jirriżultaw minn nies, informazzjoni, sistemi, proċessi u fornituri esterni ta’ partijiet terzi. Konsegwentement, il-BĊE stabbilixxa proċessi biex jiffaċilita ġestjoni kontinwa u effettiva tar-riskji operattivi tiegħu u biex jintegra l-informazzjoni dwar ir-riskju fil-proċess deċiżjonali. Barra minn hekk, il-BĊE jiffoka fuq it-titjib tal-kapaċità ta’ rkupru tiegħu. Bħala tali, ġew stabbiliti strutturi ta’ reazzjoni u pjani ta’ kontinġenza biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi tan-negożju f’każ ta’ xi tfixkil jew kriżi (eż. il-pandemija tal-COVID-19).

1.4.3 Riskju ta’ kondotta

Il-BĊE għandu Uffiċċju apposta ta’ Konformità u Governanza bħala funzjoni ewlenija ta’ kontroll tal-ġestjoni tar-riskju biex isaħħaħ il-qafas ta’ governanza tal-BĊE sabiex jindirizza r-riskju ta’ kondotta[22] fil-BĊE. L-għan tiegħu huwa li jappoġġja lill-Bord Eżekuttiv fil-protezzjoni tal-integrità u r-reputazzjoni tal-Bank, li jippromwovi standards etiċi ta’ mġiba u li jsaħħaħ ir-responsabbiltà u t-trasparenza tal-Bank. Kumitat ta’ Etika tal-BĊE ta’ livell għoli jipprovdi pariri u gwida lil uffiċjali tal-BĊE ta’ livell għoli dwar kwistjonijiet ta’ integrità u kondotta u jappoġġa lill-Kunsill Governattiv fil-ġestjoni tar-riskji relatati fil-livell eżekuttiv b’mod xieraq u koerenti.

2 Rapporti finanzjarji tal-BĊE

2.1 Karta tal-Bilanċ tal-31 ta’ Diċembru 2020

Noti: It-totali fir-rapporti finanzjarji u fit-tabelli inklużi fin-noti jistgħu ma jaqblux minħabba żieda/tnaqqis sal-eqreb euro. Iċ-ċifri 0 u (0) jindikaw ammonti pożittivi jew negattivi mqarrba għal żero, waqt li s-sing (-) jindika żero.

2.2 Kont tal-Profitt u t-Telf għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2020

Frankfurt am Main, 9 ta’ Frar 2021
Bank Ċentrali Ewropew

Christine Lagarde
President

2.3 Politika tal-kontabilità

Forma u preżentazzjoni tar-rapporti finanzjarji

Ir-rendikonti finanzjarji tal-BĊE tfasslu skont din il-politika tal-kontabilità,[23] li l-Kunsill Governattiv tal-BĊE jqis li tagħti preżentazzjoni ġusta tar-rendikonti finanzjarji u fl-istess ħin tirrifletti n-natura tal-attivitajiet ta’ bank ċentrali.

Prinċipji tal-kontabilità

Ġew applikati l-prinċipji tal-kontabilità li ġejjin: realtà u trasparenza ekonomika, prudenza, għarfien ta’ avvenimenti post karta tal-bilanċ, materjalità, negozju avvjat, prinċipju tad-dovuti, konsistenza u komparabbiltà.

Għarfien tal-assi u l-obbligazzjonijiet

L-assi jew l-obbligazzjonijiet (passiv) jidhru fil-Karta tal-Bilanċ biss meta x’aktarx li kull benefiċċju ekonomiku futur marbut magħhom jgħaddi għal għand, jew mingħand, il-BĊE, meta r-riskji u l-gwadanji sostanzjalment kollha assoċjati magħhom ikunu ġew ittrasferiti lill-BĊE, u meta l-prezz jew il-valur tal-assi jew l-ammont tal-obbligazzjonijiet ikunu jistgħu jiġu kalkulati b’mod affidabbli.

Bażi tal-kontabilità

Il-kontijiet tħejjew abbażi tal-kost storiku, immodifikat biex jinkludi l-valutazzjoni tas-suq tat-titoli negozjabbli (barra dawk miżmumin għall-għanijiet tal-politika monetarja), tad-deheb u tal-assi u l-obbligazzjonijiet l-oħra kollha inklużi fil-karta tal-bilanċ u esklużi minnha denominati f’munita barranija.

It-tranżazzjonijiet f’assi u obbligazzjonijiet finanzjarji jidhru fil-kontijiet bid-data meta jkunu ġew konklużi.

Bl-eċċezzjoni tat-tranżazzjonijiet spot f’titoli, it-tranżazzjonijiet fl-istrumenti finanzjarji denominati f’munita barranija jidħlu fil-kontijiet esklużi mill-karta tal-bilanċ bid-data ta’ meta jkunu saru. Fid-data tal-konklużjoni tat-tranżazzjoni, l-entrati esklużi mill-karta tal-bilanċ jiġu rriversjati u t-tranżazzjonijiet jiddaħħlu fil-karta tal-bilanċ. Ix-xiri u l-bejgħ ta’ munita barranija jaffettwa l-pożizzjoni netta f’munita barranija fid-data ta’ meta jkun sar, u r-riżultati realizzati mill-bejgħ jiġu kalkulati f’din id-data wkoll. L-imgħax, il-primjums u l-iskontijiet dovuti relatati mal-istrumenti finanzjarji denominati f’munita barranija jiġu kalkulati u jidħlu fil-kontijiet kuljum, u l-pożizzjoni f’munita barranija wkoll tiġi affettwata kuljum minn dawn id-dovuti.

Assi u obbligazzjonijiet f’deheb u f’munita barranija

L-assi u l-obbligazzjonijiet denominati f’munita barranija jinqalbu f’euro bir-rata tal-kambju tad-data tal-karta tal-bilanċ. Id-dħul u l-ispejjeż jinqalbu bir-rata tal-kambju tad-data meta jidħlu fil-kontijiet. Ir-rivalutazzjoni ta’ assi u obbligazzjonijiet tal-kambju, fosthom strumenti inklużi fil-karta tal-bilanċ u esklużi minnha, issir għal kull munita individwali.

Ir-rivalutazzjoni bil-prezz tas-suq ta’ assi u obbligazzjonijiet denominati f’munita barranija tinħadem b’mod separat mir-rivalutazzjoni tar-rata tal-kambju.

Id-deheb jiġi vvalutat bil-prezz tas-suq prevalenti fid-data tal-karta tal-bilanċ. Ma ssir ebda distinzjoni bejn id-differenzi fir-rivalutazzjoni tal-prezz u tal-munita fil-każ tad-deheb. Minflok, tidħol fil-kontijiet valutazzjoni waħda għad-deheb abbażi tal-prezz f’euro għal kull uqija fina ta’ deheb li, għas-sena li għalqet fil-31 ta’ Diċembru 2020, inħadmet bir-rata tal-kambju tal-euro mad-dollaru Amerikan fit-30 ta’ Diċembru 2020.

Id-dritt speċjali ta’ kreditu (SDR) jiġi ddefinit f’termini ta’ basket ta’ muniti u l-valur tiegħu jiġi determinat mis-somma ppeżata tar-rati tal-kambju ta’ ħames muniti kbar (id-dollaru Amerikan, l-euro, ir-renminbi Ċiniż, il-yen Ġappuniż u l-lira sterlina). L-investimenti tal-BĊE f’SDRs ġew kkonvertiti f’euro bir-rata tal-kambju ta’ euro għal kull SDR fil-31 ta’ Diċembru 2020.

Titoli

Titoli miżmumin għall-għanijiet tal-politika monetarja
It-titoli miżmumin attwalment għall-għanijiet tal-politika monetarja jidħlu fil-kontijiet b’kost amortizzat suġġett għal indeboliment.

Titoli oħra
It-titoli negozjabbli (barra dawk miżmumin għall-għanijiet tal-politika monetarja) u assi simili jiġu vvalutati jew bil-prezzijiet medji tas-suq jew abbażi tal-kurva tar-rendimenti rilevanti fid-data tal-karta tal-bilanċ, għal kull titolu individwali. L-opzjonijiet inkorporati fit-titoli ma jiġux isseparati għall-għanijiet tal-valutazzjoni. Għas-sena li għalqet fil-31 ta’ Diċembru 2020, intużaw il-prezzijiet medji tas-suq tat-30 ta’ Diċembru 2020. Ishma illikwidi ta’ ekwità u strumenti oħra ta’ ekwità miżmumin bħala investimenti permanenti jiġu vvalutati bil-prezz tal-akkwist suġġett għal indeboliment.

Għarfien tad-dħul

Id-dħul u l-ispejjeż jiġu rrikonoxxuti fil-perjodu meta jidħlu jew meta jsiru.[24] Il-qligħ u t-telf li jirriżulta mill-bejgħ ta’ munita barranija, deheb u titoli jiġu rreġistrati fil-Kont tal-Profitt u t-Telf. Dan il-qligħ u t-telf realizzat jiġi kalkulat b’referenza għall-prezz medju tal-assi rispettivi.

Il-qligħ mhux realizzat ma jiġix rikonoxxut bħala dħul u jiġi trasferit direttament f’kont ta’ rivalutazzjoni.

It-telf mhux realizzat jiġi rreġistrat fil-Kont tal-Profitt u t-Telf jekk, fl-aħħar tas-sena, ikun ikbar mill-profitt tar-rivalutazzjoni preċedenti akkumulat fil-kont ta’ rivalutazzjoni rispettiv. Dan it-telf mhux realizzat minn titolu jew munita individwali jew mid-deheb ma jiġix innettjat mal-profitt mhux realizzat minn titoli jew muniti oħra jew mid-deheb. Fil-każ li dan it-telf mhux realizzat minn xi partita jiġi rreġistrat fil-Kont tal-Profitt u t-Telf, il-prezz medju ta’ din il-partita jitnaqqas bir-rata tal-kambju jew bil-prezz tas-suq tal-aħħar tas-sena. Telf mhux realizzat fuq swaps tar-rati tal-imgħax li ma jiġux ikklerjati permezz ta’ kontroparti ċentrali tal-ikklerjar jiġi rreġistrat fil-Kont tal-Profitt u t-Telf fi tmiem is-sena u ammortizzat fis-snin sussegwenti.

It-telf mill-indeboliment irreġistrat fil-Kont tal-Profitt u t-Telf u ma jiġix riversjat fis-snin ta’ wara ħlief jekk l-indeboliment jonqos u t-tnaqqis jista’ jiġi relatat ma’ avveniment osservabbli li jseħħ wara li l-indeboliment ikun iddaħħal fil-kontijiet għall-ewwel darba.

Primjums jew skontijiet fuq titoli jiġu amortizzati fuq il-bqija tal-ħajja kuntrattwali tat-titoli.

Tranżazzjonijiet riversjati

It-tranżazzjonijiet riversjati huma operazzjonijiet li bihom il-BĊE jixtri jew ibigħ assi bi ftehim ta’ riakkwist jew jagħmel operazzjonijiet ta’ kreditu bil-kollateral.

Fi ftehim ta’ riakkwist, it-titoli jinbiegħu bi flus kontanti bi ftehim li jsir fl-istess ħin biex jerġgħu jinxtraw mingħand il-kontroparti bi prezz miftiehem f’data stabbilita fil-ġejjieni. Kull ftehim ta’ riakkwist jidħol fil-kontijiet bħala depożitu kollateralizzat fuq in-naħa tal-passiv tal-Karta tal-Bilanċ. It-titoli li jinbiegħu bi ftehim bħal dan jibqgħu jidhru fil-Karta tal-Bilanċ tal-BĊE.

Fi ftehim ta’ riakkwist riversjat, it-titoli jinxtraw bi flus kontanti bi ftehim li jsir fl-istess ħin biex jerġgħu jinbiegħu lill-kontroparti bi prezz miftiehem f’data stabbilita fil-ġejjieni. Kull ftehim ta’ riakkwist riversjat jidħol fil-kontijiet bħala self kollateralizzat fuq in-naħa tal-attiv tal-Karta tal-Bilanċ iżda ma jiġix inkluż fl-investimenti tal-BĊE f’titoli.

It-tranżazzjonijiet riversjati (fosthom tranżazzjonijiet ta’ self ta’ titoli) li jsiru fi programm offrut minn istituzzjoni speċjalizzata jidħlu fil-Karta tal-Bilanċ biss meta jiġi provdut kollateral fi flus kontanti u dawn il-flus kontanti jibqgħu ma jiġux investiti.

Strumenti esklużi mill-karta tal-bilanċ

L-istrumenti tal-munita, jiġifieri t-tranżazzjonijiet forward tal-kambju, il-forward legs tas-swaps tal-kambju u strumenti oħra tal-munita li jinvolvu l-kambju minn munita għall-oħra f’data fil-ġejjieni, jiġu inklużi fil-pożizzjoni netta tal-munita barranija biex jiġi kalkulat il-qligħ u t-telf mill-kambju.

L-istrumenti tar-rati tal-imgħax jiġu rivalutati individwalment. It-tibdil ta’ kuljum fil-marġni ta’ varjazzjoni tar-rata tal-imgħax ta’ kuntratti futures miftuħin kif ukoll is-swaps tar-rati tal-imgħax li jiġu kklerjati permezz ta’ kontroparti ċentrali jidħlu fil-Kont tal-Profitt u t-Telf. Il-valutazzjoni tat-tranżazzjonijiet forward f’titoli u tas-swaps tar-rati tal-imgħax li ma jiġux ikklerjati permezz ta’ kontroparti ċentrali tinħadem mill-BĊE b’metodi ta’ valutazzjoni aċċettati b’mod ġenerali bi prezzijiet u rati osservabbli tas-suq kif ukoll b’fatturi ta’ skont mid-dati tal-konklużjoni tat-tranżazzjonijiet sad-data tal-valutazzjoni.

Avvenimenti post karta tal-bilanċ

Il-valuri tal-assi u l-obbligazzjonijiet jiġu aġġustati għal avvenimenti li jseħħu bejn id-data tal-karta tal-bilanċ annwali u d-data meta l-Bord Eżekuttiv jawtorizza l-preżentazzjoni tal-Kontijiet Annwali tal-BĊE għall-approvazzjoni tal-Kunsill Governattiv, jekk dawn l-avvenimenti jaffettwaw materjalment il-kundizzjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet fid-data tal-karta tal-bilanċ.

Avvenimenti importanti post karta tal-bilanċ li ma jaffettwawx il-kundizzjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet fid-data tal-karta tal-bilanċ jidhru fin-noti.

Bilanċi fi ħdan is-SEBĊ/bilanċi fi ħdan l-Eurosistema

Il-bilanċi fi ħdan is-SEBĊ jiġu primarjament mill-ħlasijiet transkonfinali fl-Unjjoni Ewropea (UE) li jiġu konklużi f’euro bi flus tal-banek ċentrali. Dawn it-tranżazzjonijiet fil-biċċa l-kbira tagħhom isiru minn entitajiet privati (i.e. istituzzjonijiet ta’ kreditu, korporazzjonijiet u individwi). Jiġu konklużi fit-TARGET2 – Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer system – u joħolqu bilanċi bilaterali fil-kontijiet tat-TARGET2 tal-banek ċentrali tal-UE. Dawn il-bilanċi bilaterali jiġu nnettjati u mbagħad jiġu assenjati kuljum lill-BĊE, biex b’hekk kull bank ċentrali nazzjonali (BĊN) jibqa’ b’pożizzjoni singola bilaterali netta vis-à-vis il-BĊE biss. Pagamenti li jsiru mill-BĊE u li jiġu finalizzati fit-TARGET2 jaffetwaw ukoll il-pożizzjonijiet singoli bilaterali netti. Dawn il-pożizzjonijiet fil-kotba tal-BĊE jirrappreżentaw l-klejm jew l-obbligazzjoni netta ta’ kull BĊN kontra l-bqija tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ). Il-bilanċi fi ħdan l-Eurosistema tal-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro vis-à-vis il-BĊE li jiġu mit-TARGET2, kif ukoll bilanċi oħra fi ħdan l-Eurosistema denominati f’euro (eż. it-tqassim tal-profitt interim tal-BĊE lill-banek ċentrali nazzjonali) jiġu preżentati fil-Karta tal-Bilanċ tal-BĊE bħala pożizzjoni waħda netta tal-attiv jew tal-passiv u jidhru fi “Klejms oħra fl-Eurosistema (netti)” jew “Obbligazzjonijiet oħra fl-Eurosistema (netti)”. Il-bilanċi fi ħdan is-SEBĊ tal-banek ċentrali nazzjonali barra ż-żona tal-euro vis-à-vis il-BĊE, li jiġu mill-parteċipazzjoni tagħhom fit-TARGET2,[25] jidhru f’“Obbligazzjonijiet ma’ residenti barra ż-żona tal-euro denominati f’euro”.

Il-bilanċi fi ħdan l-Eurosistema mill-allokazzjoni ta’ karti tal-euro fl-Eurosistema jidħlu bħala attiv wieħed nett fi “Klejms relatati mal-allokazzjoni ta’ karti tal-euro fl-Eurosistema” (ara “Karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni” iktar ‘l isfel).

Il-bilanċi fi ħdan l-Eurosistema mit-trasferiment ta’ assi f’riżervi barranin lill-BĊE mill-banek ċentrali nazzjonali li jissieħbu fl-Eurosistema huma denominati f’euro u jidħlu f’“Obbligazzjonijiet ekwivalenti għat-trasferiment ta’ riżervi barranin”.

Assi fissi

Assi fissi, fosthom assi intanġibbli, iżda bl-esklużjoni tal-artijiet u x-xogħlijiet tal-arti, jiġu vvalutati bil-prezz tal-akkwist li minnu jitnaqqas id-deprezzament. L-artijiet u x-xogħlijiet tal-arti jiġu vvalutati bil-prezz tal-akkwist. Il-bini prinċipali tal-BĊE hu valutat bil-prezz tal-ispiża bid-deprezzament imnaqqas u suġġett għall-indeboliment. Għad-deprezzament tal-bini ewlieni tal-BĊE, l-ispejjeż jiġu assenjati lill-komponenti xierqa tal-assi li jiġu ddeprezzati skont il-kalkolu tal-ħajja utli tagħhom. Id-deprezzament jiġi kalkolat bil-metodu straight-line matul il-ħajja utli mistennija tal-assi, mit-trimestru wara li l-assi jkunu disponibbli għall-użu. Il-ħajja utli applikata għall-kategoriji ewlenin ta’ assi tidher hawn taħt:

Il-perjodu ta’ deprezzament għan-nefqa kapitalizzata fuq it-tiġdid tal-bini relatata mal-bini mikri bħalissa mill-BĊE ġie aġġustat biex jitqiesu l-avvenimenti li jkollhom impatt fuq il-ħajja utli mistennija tal-assi affettwati.

Il-BĊE jwettaq test ta’ indeboliment annwali tal-bini prinċipali tiegħu u assi għad-dritt tal-użu relatati mal-bini tal-uffiċċji (ara "Kirjiet" iktar ‘l isfel). Jekk jiġi identifikat indikatur tal-indeboliment u jitqies li l-assi jista’ jkun fi stat ta’ indeboliment, issir stima tal-ammont rekuperabbli. Telf minħabba indeboliment jiġi rreġistrat fil-Kont tal-Profitt u t-Telf jekk l-ammont rekuperabbli jkun inqas mill-valur nett deprezzat.

Assi fissi li jqumu inqas minn €10,000 jiġu kanċellati fis-sena tal-akkwist.

Assi fissi li jikkonformaw mal-kriterji ta’ kapitalizzazzjoni iżda li jkunu għadhom qegħdin jinbnew jew jiġu żviluppati jidħlu taħt l-intestatura “Assi li qegħdin jinbnew”. L-ispejjeż relatati jiġu trasferiti fl-intestaturi rilevanti tal-assi fissi meta l-assi jsiru disponibbli biex jintużaw.

Kirjiet

Meta l-kirjiet kollha li jinvolvu assi tanġibbli, l-assi marbut mad-dritt tal-użu u r-responsabbiltà għall-kiri huma rikonoxxuti fuq il-Karta tal-Bilanċ fid-data tal-bidu tal-kera, u inklużi taħt “Assi fissi tanġibbli u intanġibbli” u “Varji (obbligazzjonijiet)”, rispettivament. Għall-kirjiet li jikkonformaw mal-kriterji tal-kapitalizzazzjoni, iżda l-assi involut għadu qed jinbena jew jiġi adattat, l-ispejjeż imġarrba qabel id-data tal-bidu tal-kiri huma rreġistrati taħt l-intestatura “Assi taħt kostruzzjoni”. L-obbligazzjoni relatata tad-dritt tal-użu u l-obbligazzjoni tal-kiri huma rikonoxxuti taħt l-intestaturi rilevanti tal-assi fissi ladarba l-assi jkun disponibbli għall-użu (id-data tal-bidu wara).

Assi marbuta mad-dritt tal-użu jiġu vvalutati fil-kost bid-deprezzament imnaqqas. Barra minn hekk, assi tad-dritt tal-użu relatati ma’ bini ta’ uffiċini huma wkoll suġġetti għal indeboliment (fir-rigward ta’ test ta’ indeboliment annwali ara "Assi fissi" iktar ‘l fuq"). Id-deprezzament hu kkalkolat fuq bażi dritta mid-data tal-bidu sa jew it-tmiem tal-ħajja utli tal-assi ta’ dritt ta’ użu jew it-tmiem tal-perjodu tal-kiri, liema jiġi l-ewwel.

Ir-responsabbiltà tal-kera hija inizjalment imkejla bil-valur preżenti tal-ħlasijiet futuri tal-kera (li jinkludu biss komponenti tal-kiri), skontati bl-użu tar-rata inkrementali tas-self tal-BĊE. Sussegwentement, ir-responsabbiltà tal-kiri titkejjel bi spiża amortizzata bl-użu tal-metodu ta’ interess effettiv. L-ispiża relatata mal-imgħax hija rreġistrata fil-Kont tal-Profitt u Telf taħt "Spejjeż oħra tal-imgħax". Meta jkun hemm bidla fil-pagamenti ta’ kirijiet futuri li jirriżultaw minn bidla f’indiċi jew rivalutazzjoni oħra tal-kuntratt eżistenti, ir-responsabbiltà tal-kera tiġi mkejla mill-ġdid. Kull kejl mill-ġdid bħal dan jirriżulta f’aġġustament korrispondenti għall-ammont miżmum fil-kotba tal-assi ta’ dritt ta’ użu.

Kiri għal żmien qasir b’tul ta’ 12-il xahar jew inqas u kirjiet ta’ assi ta’ valur baxx taħt €10,000 (konsistenti mal-limitu użat għar-rikonoxximent ta’ assi fissi) huma rreġistrati bħala spiża fil-Kont tal-Profitt u t-Telf.

Il-benefiċċji tal-BĊE ta’ wara l-impjieg, benefiċċji oħra fit-tul u benefiċċji tat-terminazzjoni

Il-BĊE jħaddem skemi ta’ benefiċċji definiti għall-persunal tiegħu u għall-membri tal-Bord Eżekuttiv, kif ukoll għall-membri tal-Bord Superviżorju impjegati mill-BĊE.

L-iskema ta’ pensjoni tal-persunal hija finanzjata b’assi miżmumin f’fond ta’ benefiċċji fit-tul għall-impjegati. Il-kontribuzzjonijiet obbligatorji li jsiru mill-BĊE u l-persunal huma riflessi fl-istruttura ta’ benefiċċji definiti tal-iskema. Il-persunal jista’ jagħti kontribuzzjonijiet supplimentari minn rajh fi struttura ta’ kontribuzzjonijiet definiti li tista’ tintuża biex tipprovdi benefiċċji supplimentari.[26] Dawn il-benefiċċji addizzjonali jiġu kalkolati bl-ammont tal-kontribuzzjonijiet volontarji flimkien mar-redditi mill-investiment li jiġu minn dawk il-kontribuzzjonijiet.

Hemm provedimenti mhux iffinanzjati għall-benefiċċji ta’ wara l-impjieg u benefiċċji oħra fit-tul tal-membri tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE u l-membri tal-Bord Superviżorju impjegati mill-BĊE. Għall-membri tal-persunal hemm provedimenti mhux finanzjati għall-benefiċċji ta’ wara l-impjieg minbarra l-pensjonijiet u għal benefiċċji oħra fit-tul u benefiċċji tat-terminazzjoni.

Passiv tal-benefiċċji definit
L-obbligazzjoni rikonoxxuta fil-Karta tal-Bilanċ fil-partita “Obbligazzjonijiet Varji” fir-rigward tal-iskemi tal-benefiċċji definiti, inklużi benefiċċji oħra fit-tul u benefiċċji tat-terminazzjoni, hi l-valur attwali tal-obbligu tal-benefiċċji definiti fid-data tal-karta tal-bilanċ, li minnu jitnaqqas il-valur ġust tal-assi tal-iskema użati biex jiffinanzjaw l-obbligu.

L-obbligu tal-benefiċċji definiti jiġi kalkulat kull sena minn attwarji indipendenti bl-użu tal-metodu tal-unità ta’ kreditu prevista. Il-valur attwali tal-obbligu tal-benefiċċji definiti jiġi kalkolat billi l-valutazzjoni tal-likwidità fil-ġejjieni tiġi skontata b’rata determinata b’referenza għar-redditi tas-suq fid-data tal-karta tal-bilanċ ta’ bonds korporattivi ta’ kwalità tajba denominati f’euro li jkollhom l-istess termini ta’ maturità bħal dawk tal-obbligu tal-pensjoni.

Il-qligħ u t-telf attwarjali jista’ jiġi minn aġġustamenti għall-esperjenza (fejn ir-riżultati attwali jkunu differenti mit-tbassir attwarjali li jkun sar qabel) u minn tibdil fit-tbassir attwarjali.

Kost nett tal-benefiċċju definit
L-ispiża netta tal-benefiċċji definiti tinqasam f’komponenti li jidħlu fil-Kont tal-Profitt u t-Telf u kalkoli ġodda fir-rigward tal-benefiċċji ta’ wara l-impjieg li jidħlu fil-“Kontijiet ta’ rivalutazzjoni” tal-Karta tal-Bilanċ.

L-ammont nett li jidħol fil-Kont tal-Profitt u t-Telf jiġbor fih:

  1. l-ispiża tas-servizz kurrenti tal-benefiċċji definiti dovuti għal dik is-sena;
  2. l-ispiża tas-servizz tal-imgħoddi tal-benefiċċji definiti li tirriżulta minn emenda fl-iskema;
  3. l-imgħax nett bir-rata ta’ skont fuq l-obbligazzjoni netta tal-benefiċċji definiti;
  4. kalkoli ġodda fir-rigward ta’ benefiċċji fit-tul oħrajn u benefiċċji tat-terminazzjoni ta’ tul ta’ żmien, jekk ikun hemm, fl-intier tagħhom.

L-ammont nett li jidher fil-“Kontijiet ta’ rivalutazzjoni” jinkludi l-partiti li ġejjin:

  1. il-qligħ u t-telf attwarjali fuq l-obbligu tal-benefiċċji definiti;
  2. ir-redditu attwali fuq l-assi tal-iskema, minbarra l-ammonti inklużi fl-imgħax nett fuq l-obbligazzjoni netta tal-benefiċċji definiti;
  3. kwalunkwe tibdil fl-effett tal-limitu massimu tal-assi, minbarra l-ammonti inklużi fl-imgħax nett fuq l-obbligazzjoni netta tal-benefiċċji definiti.

Dawn l-ammonti jiġu vvalutati kull sena minn attwarji indipendenti biex jiġi stabbilit il-passiv xieraq fir-rendikonti finanzjarji.

Karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni

Il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro, li flimkien jagħmlu l-Eurosistema, joħorġu l-karti tal-euro.[27] It-total tal-valur tal-karti tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni jiġi allokat lill-banek ċentrali tal-Eurosistema fl-aħħar jum tax-xogħol ta’ kull xahar skont l-iskema tal-allokazzjoni tal-karti tal-flus.[28]

Il-BĊE ġie allokat sehem ta’ 8% tal-valur totali tal-karti tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni, li jidher fil-Karta tal-Bilanċ fil-partita tal-passiv “Karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni”. Is-sehem tal-BĊE mill-ħruġ totali ta’ karti tal-euro huwa kopert bi klejms mal-banek ċentrali nazzjonali. Dawn il-klejms, li jrendu l-imgħax,[29] jidhru fis-subpartita “Klejms fi ħdan l-Eurosistema: klejms relatati mal-allokazzjoni ta’ karti tal-euro fl-Eurosistema” (ara “Bilanċi fi ħdan is-SEBĊ/bilanċi fi ħdan l-Eurosistema” iktar ‘l fuq). Id-dħul mill-imgħax fuq dawn il-klejms jidħol fil-Kont tal-Profitt u t-Telf fil-partita “Dħul mill-imgħax tal-allokazzjoni ta’ karti tal-euro fl-Eurosistema”.

Tqassim tal-profitt interim

Ammont li jkun daqs id-dħul tal-BĊE mill-karti tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni u d-dħul mit-titoli miżmumin għall-għanijiet tal-politika monetarja (a) fil-Programm tas-Swieq tat-Titoli, (b) fit-tielet programm ta’ xiri ta’ bonds garantiti, (c) fil-programm ta’ xiri ta’ titoli koperti b’assi, u (d) fil-programm ta’ xiri ta’ assi mis-settur pubbliku; u (e) il-programm ta’ xiri tal-emerġenza pandemika jitqassam f’Jannar tas-sena ta’ wara permezz ta’ tqassim tal-profitt interim, sakemm il-Kunsill Governattiv ma jiddeċidix mod ieħor.[30] Jitqassam kollu sakemm ma jkunx ogħla mill-qligħ nett tal-BĊE għal dik is-sena, u suġġett għal deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv li jagħmel trasferimenti fil-provediment għar-riskji finanzjarji. Il-Kunsill Governattiv jista’ jiddeċiedi wkoll li jnaqqas l-ammont tad-dħul fuq il-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni li għandu jitqassam f’Jannar bl-ammont tal-ispejjeż imġarrbin mill-BĊE b’konnessjoni mal-ħruġ u l-ipproċessar tal-karti tal-flus tal-euro.

Riklassifikazzjonijiet

Skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tas-SEBC, il-BĊE jista’ jaġixxi bħala aġent fiskali għal istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni, gvernijiet ċentrali, reġjonali, lokali jew awtoritajiet pubbliċi oħra, korpi oħra regolati bil-liġi pubblika, jew intrapriżi pubbliċi ta’ Stati Membri. F’dan il-kuntest il-BĊE jaċċetta depożiti mill-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja (EFSF) u l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES) li, fl-2019 tal-Kontijiet Annwali ġew ippreżentati taħt l-intestatura “Passiv ieħor”. B’effett mill-1 ta’ Lulju 2020, l-Eurostat irreveda l-klassifikazzjoni statistika ta’ dawn l-istituzzjonijiet minn “intermedjarji finanzjarji oħra” għas-settur tal-“Amministrazzjoni Pubblika”[31]. B’riżultat ta’ dan, minn dik id-data l-ammonti relatati huma ppreżentati taħt l-intestatura “Amministrazzjoni Pubblika”.

L-ammonti komparattivi tal-2019 ġew aġġustati kif ġej:

Bidliet fil-politika tal-kontabilità

Fl-2020 ma kien hemm ebda bidliet fil-politika tal-kontabilità applikata mill-BĊE.

Kwistjonijiet oħra

Skont l-Artikolu 27 tal-Istatut tas-SEBĊ, u abbażi ta’ rakkomandazzjoni tal-Kunsill Governattiv, il-Kunsill tal-UE approva l-ħatra ta’ Baker Tilly GmbH & Co. KG, Wirtschaftsprüfungsgesellschaft, Düsseldorf (Repubblika Federali tal-Ġermanja) bħala l-awdituri esterni tal-BĊE għal perjodu ta’ ħames snin sa tmiem is-sena finanzjarja 2022. Dan il-perjodu ta’ ħames snin jista’ jiġi estiż sa sentejn finanzjarji addizzjonali.

2.4 Noti dwar il-Karta tal-Bilanċ

Nota 1 - Deheb u ammonti riċevibbli f’deheb

Fil-31 ta’ Diċembru 2020 il-BĊE kellu 16,229,522 uqija[32] ta’ deheb fin, li l-valur tas-suq tagħhom kien jammonta għal €25,056 miljun (2019: €21,976 miljun). Fl-2020 ma saret ebda tranżazzjoni fid-deheb u l-investimenti tal-BĊE għalhekk baqgħu l-istess meta jitqabblu mal-livell tagħhom fil-31 ta’ Diċembru 2019. Iż-żieda fil-valur ekwivalenti f’euro ta’ dawn l-investimenti kien dovut għaż-żieda fil-prezz tas-suq għad-deheb f’termini ta’ euro (ara “Assi u obbligazzjonijiet f’deheb u f’munita barranija” fit-Taqsima 2.3 “Politika ta’ kontabilità” u n-nota 15 “Kontijiet ta’ rivalutazzjoni”).

Nota 2 - Klejms ma’ residenti barra ż-żona tal-euro u taż-żona tal-euro denominati f’munita barranija

Nota 2.1 - Ammonti riċevibbli mill-IMF

Dan l-attiv jirrappreżenta l-investimenti tal-BĊE fi drittijiet speċjali ta’ kreditu (SDRs) u kien jammonta għal €680 miljun sal-31 ta’ Diċembru 2020 (2019: €710 miljun). Joħroġ mir-riżultat ta’ dispożizzjoni reċiproka mal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) ta’ xiri u bejgħ ta’ SDRs li biha l-FMI huwa awtorizzat jiddisponi l-bejgħ jew l-akkwist ta’ SDRs bl-euro, f’isem il-BĊE, f’limiti li jiddefinixxu l-anqas u l-ogħla investiment. Għall-għanijiet tal-kontabilità, l-SDRs jitqiesu bħala munita barranija (ara “Assi u obbligazzjonijiet f’deheb u f’munita barranija” fit-Taqsima 2.3 “Politika tal-kontabilità”). It-tnaqqis fil-valur ekwivalenti f’euro tal-investimenti tal-BĊE f’SDRs kien dovut għad-depprezzament tal-SDR kontra l-euro fl-2020.

Nota 2.2 - Bilanċi ma’ banek u investimenti f’titoli, self estern u assi esterni oħra; u klejms ma’ residenti taż-żona tal-euro denominati f’munita barranija

Dawn iż-żewġ partiti jikkonsistu f’bilanċi ma’ banek u self denominat f’munita barranija, u f’investimenti f’titoli denominati f’dollari Amerikani u yen Ġappuniżi u renminbi Ċiniżi.

Il-valur totali ta’ dawn il-partiti naqas fl-2020 l-iżjed minħabba d-deprezzament tad-dollaru Amerikan kontra l-euro.

L-investimenti netti tal-BĊE f’munita barranija,[33] fil-31 ta’ Diċembru 2020 kienu kif ġej:

Ma saru l-ebda interventi tal-kambju barrani matul l-2020.

Nota 3 - Klejms ma’ residenti barra ż-żona tal-euro denominati f’euro

Nota 3.1 - Bilanċi ma’ banek, investimenti f’titoli u self

Fl-31 ta’ Diċembru 2020 din il-partita kienet tikkonsisti fi klejm li tammonta għal €1,830 miljun fir-rigward ta’ arranġamenti ta’ faċilità ta’ likwidità bejn l-Eurosistema u banek ċentrali li mhumiex fiż-żona tal-euro. Taħt dawn l-arranġamenti, l-Eurosistema tipprovdi likwidità tal-euro lill-banek ċentrali li mhumiex fiż-żona tal-euro bi skambju għal kollateral eliġibbli[34] biex tindirizza l-ħtiġijiet ta’ likwidità tal-euro fil-ġurisdizzjonijiet tagħhom f’każ ta’ disfunzjoni tas-suq u b’hekk timminimizza r-riskju ta’ effetti kollaterali negattivi fuq is-swieq finanzjarji u l-ekonomiji taż-żona tal-euro.

Nota 4 - Klejms oħra ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu taż-żona tal-euro denominati f’euro

Fil-31 ta’ Diċembru 2020 din il-partita kienet tikkonsisti mill-bilanċi tal-kontijiet kurrenti ma’ residenti taż-żona tal-euro li kienu jammontaw għal €81 miljun (2019: €109 miljun).

Nota 5 - Titoli ta’ residenti taż-żona tal-euro denominati f’euro

Nota 5.1 - Titoli miżmuma għall-għanijiet tal-politika monetarja

Fil-31 ta’ Diċembru 2019 din il-partita kienet tikkonsisti f’titoli akkwistati mill-BĊE fl-ambitu tat-tliet programmi ta’ xiri ta’ bonds garantiti (CBPPs), il-Programm tas-Swieq tat-Titoli (SMP), il-programm ta’ xiri ta’ titoli koperti b’assi (ABSPP) u l-programm ta’ xiri mis-settur pubbliku (PSPP) u l-programm ta’ xiri tal-emerġenza pandemika (PEPP).

1) Aktar kriterji ta’ eliġibbiltà għall-programmi speċifiċi jinsabu fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv.
2) Titoli ta’ dejn pubbliku maħruġa minn ħames teżoreriji taż-żona tal-euro biss inxtraw taħt l-SMP.

3) Il-BĊE ma jakkwistax titoli fil-programm ta’ xiri mis-settur korporattiv (CSPP).
4) Rinunzja tar-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà ingħatat għal titoli maħruġa mill-Gvern Grieg.

Fl-2020 l-Eurosistema kompliet bix-xiri nett tagħha taħt il-programm ta’ xiri ta’ assi tagħna (APP)[35] b’pass ta’ kull xahar ta’ medja ta’ €20 biljun. F’Marzu 2020, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jżid pakkett temporanju ta’ xiri ta’ assi netti addizzjonali ta’ €120 biljun sal-aħħar tas-sena. Il-Kunsill Governattiv jistenna li x-xiri jibqa’ jsir sakemm ikun meħtieġ biex insaħħu l-impatt tal-akkomodament tar-rati tal-politika tiegħu, u li jintemm ftit qabel jibda jgħolli r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE. Il-Kunsill Governattiv biħsiebu wkoll li jkompli l-investimenti mill-ġdid għal perjodu estiż ta’ żmien lil hinn mid-data meta il-Kunsill Governattiv jibda jgħolli r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE, u fi kwalunkwe każ sakemm ikun meħtieġ biex jinżammu kundizzjonijiet favorevoli ta’ likwidità u grad abbundanti ta’ akkomodament monetarju.

Barra minn hekk, f’Marzu 2020 l-Eurosistema nediet programm ta’ xiri temporanju waqt l-emerġenza pandemika (PEPP)[36], li jikkonsisti minn pakkett ġenerali ta’ €750 biljun, biex tittaffa l-pożizzjoni ġenerali tal-politika monetarja u biex jilqa’ għar-riskji gravi għall-mekkaniżmu tat-trażmissjoni tal-politika monetarja u l-prospetti għaż-żona tal-euro maħluqa mill-pandemija tal-koronavirus. Ix-xiri jinkludi l-kategoriji kollha ta’ assi eliġibbli taħt l-APP[37] u fil-bidu kien previst li jkompli sa tmiem l-2020. Il-Kunsill Governattiv żied il-pakkett għall-PEPP b’ €600 biljun u f’Ġunju 2020 b’€500 biljun addizzjonali, u b’total ta’ €1,850 biljun. L-orizzont għax-xiri nett ta’ assi ġie estiż sa mill-anqas l-aħħar ta’ Marzu 2022 u, fi kwalunkwe każ, sakemm il-Kunsill Governattiv iqis li l-fażi ta’ kriżi tal-koronavirus intemmet. Barra minn hekk, il-Kunsill Governattiv fiħsiebu jinvesti mill-ġdid il-ħlasijiet prinċipali mit-titoli li jimmaturaw mixtrija taħt il-PEPP sa mill-anqas l-aħħar tal-2023. It-tnedija futura tal-portafoll tal-PEPP se tkun amministrata biex tevita interferenza mal-pożizzjoni xierqa tal-politika monetarja.

It-titoli akkwistati f’dawn il-programmi jiġu vvalutati fuq bażi ta’ kost amortizzat suġġett għal indeboliment (ara “Titoli” fit-Taqsima 2.3 “Politika tal-kontabilità”).

Il-kost amortizzat tat-titoli miżmumin mill-BĊE kif ukoll il-valur tas-suq tagħhom[38] (li ma jidħolx fil-Karta tal-Bilanċ jew fil-Kont tal-Profitt u t-Telf u jingħata biss għall-finijiet ta’ tqabbil) huma kif ġej:

Il-fidi tat-titoli wassal għal tnaqqis fil-valur tal-kost amortizzat tal-portafolli miżmuma skont l-ewwel u t-tieni CBPPs, kif ukoll fl-SMP.

Il-Kunsill Governattiv jevalwa regolarment ir-riskji finanzjarji assoċjati mat-titoli miżmumin f’dawn il-programmi.

It-testijiet tal-indeboliment isiru kull sena bl-użu ta’ dejta ta’ tmiem is-sena, u jiġu approvati mill-Kunsill Governattiv. F’dawn it-testijiet, l-indikaturi tal-indeboliment jiġu evalwati separatament għal kull programm. Fil-każijiet fejn l-indikaturi tal-indeboliment huma osservati, issir analiżi oħra biex tikkonferma li l-flussi tal-likwidità tat-titoli ta’ bażi ma ġewx affettwati minn avveniment ta’ indeboliment. Skont ir-riżultati tat-testijiet tal-indeboliment ta’ din is-sena, ma ġie reġistrat ebda telf mill-BĊE fuq it-titoli miżmumin fil-portafolli tiegħu tal-politika monetarja fl-2020.

Nota 6 - Obbligazzjonijiet intra-Eurosistema

Nota 6.1 - Klejms relatati mal-allokazzjoni ta’ karti tal-euro fl-Eurosistema

Din il-partita tikkonsisti fil-klejms tal-BĊE vis-à-vis il-BĊN taż-żona tal-euro relatati mal-allokazzjoni ta’ karti tal-euro fl-Eurosistema (ara “Karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni” fit-Taqsima 2.3 “Politiki ta’ kontabilità”) u li fil-31 ta’ Diċembru 2020 kienu jammontaw għal €114,761 miljun (2019: €103,420 miljun). Ir-remunerazzjoni ta’ dawn il-klejms tiġi kalkulata kuljum bl-aħħar rata tal-imgħax marġinali disponibbli użata mill-Eurosistema fl-offerti tagħha għall-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament[39] (ara n-nota 23.2 “Dħul mill-imgħax tal-allokazzjoni ta’ karti tal-euro fl-Eurosistema”).

Noti 7 - Assi oħrajn

Nota 7.1 - Assi fissi tanġibbli u intanġibbli

Dawn l-assi kienu jikkonsistu fl-oġġetti li jidhru hawn taħt fil-31 ta’ Diċembru 2020:

Fir-rigward tal-bini prinċipali tal-BĊE u uffiċini tad-dritt tal-użu, fl-aħħar tas-sena sar test tal-indeboliment u ma ġie reġistrat ebda telf minħabba indeboliment.

Noti 7.2 - Assi finanzjarji oħrajn

Din il-partita tikkonsisti prinċipalment mill-portafoll tal-fondi proprji tal-BĊE li qiegħed fil-biċċa l-kbira jikkonsisti f’investimenti tar-riżorsi finanzjarji tal-BĊE, jiġifieri l-kapital imħallas u l-ammonti miżmuma fir-riżervi u l-provediment għal riskji finanzjarji. Tinkludi wkoll 3,211-il sehem fil-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali (BIS) bil-prezz tal-akkwist ta’ €42 miljun u kontijiet kurrenti oħra denominati f’euro.

Il-komponenti ta’ din il-partita jidhru hawn taħt:

Iż-żieda netta f’din il-partita fl-2020 kienet dovuta l-aktar (a) għall-investiment mill-ġdid tad-dħul mill-imgħax iġġenerat mill-portafoll tal-fondi proprji u (b) għaż-żieda fil-valur tas-suq tat-titoli miżmumin f’dan il-portafoll

Nota 7.3 - Differenzi fir-rivalutazzjoni ta’ strumenti esklużi mill-karta tal-bilanċ

Din il-partita tikkonsisti f’tibdil fil-valutazzjoni tat-tranżazzjonijiet swap u forward f’munita barranija li kienu pendenti fil-31 ta’ Diċembru 2020 (ara n-nota 20 “Tranżazzjonijiet swap u forward tal-kambju”). Dawn il-bidliet fil-valutazzjoni ammontaw għal €388 miljun (2019: €619 miljun) u huma r-riżultat tal-konverżjoni ta’ tranżazzjonijiet simili fl-ekwivalenti tagħhom f’euro bir-rati tal-kambju tad-data tal-karta tal-bilanċ, imqabblin mal-valuri f’euro li jirriżultaw mill-konverżjoni tat-tranżazzjonijiet bil-prezz medju tal-munita barranija rispettiva f’dik id-data (ara “Strumenti esklużi mill-karta tal-bilanċ” u “Assi u obbligazzjonijiet f’deheb u f’munita barranija” fit-Taqsima 2.3, “Politika tal-kontabilità”).

Nota 7.4 - Dovuti u spejjeż imħallsin bil-quddiem

Fil-31 ta’ Diċembru 2020 din il-partita kienet tammonta għal €3,390 miljun (2019: €2,572 miljun). Din il-partita kienet tinkludi primarjament l-imgħax tal-kupun dovut fuq it-titoli, inkluż l-imgħax pendenti mħallas mal-akkwist, li kien jammonta għal €2,757 miljun (2019: €2,431 miljun) (ara n-nota 2.2 “Bilanċi ma’ banek u investimenti f’titoli, self estern u assi esterni oħra; u klejms ma’ residenti taż-żona tal-euro denominati f’munita barranija”, in-nota 5 “Titoli ta’ residenti taż-żona tal-euro denominati f’euro” u n-nota 7.2 “Assi finanzjarji oħra”).

Din il-partita kienet tinkludi wkoll ammont ta’ €514 miljun li jikkorrispondi għat-tariffi superviżorji li għandhom jaslu għall-perjodu tat-tariffi 2020. Dan l-ammont se jinġabar fit-tieni kwart tal-2021. Mill-2020 ‘il quddiem it-tariffi ser jiġu imposti ex post fuq il-bażi ta’ spejjeż attwali.[40] Madankollu, fl-2020, għall-aħħar darba, l-ammont tat-tariffi superviżorji ġie aġġustat għal bilanċ pożittiv riportat mill-perjodu tat-tariffa ta’ qabel (ara n-nota 26 “Dħul/nefqa netta mit-tariffi u l-kummissjonijiet”).

Din il-partita tinkludi (a) dħul dovut minn proġetti komuni tal-Eurosistema (ara n-nota 28, “Dħul ieħor”); (b) ħlasijiet varji bil-quddiem; u (c) dħul dovut mill-imgħax fuq assi finanzjarji u obbligazzjonijiet oħra.

Nota 7.5 - Varji

Fil-31 ta’ Diċembru 2020 din il-partita ammontat għal €1,970 miljun (2019: €2,221 miljun) kienet tinkludi primarjament l-ammont dovut tat-tqassim tal-qligħ interim tal-BĊE ta’ €1,260 miljun (2019: €1,431 miljun) (ara “Tqassim tal-qligħ interim” fit-Taqsima 2.3 “Politika tal-kontabilità” u n-nota 12.2, “Obbligazzjonijiet oħra fl-Eurosistema (netti)”).

Tinkludi wkoll bilanċi b’valur ta’ €692 miljun (2019: €757 miljun) relatati ma’ tranżazzjonijiet swap u forward f’munita barranija pendenti fil-31 ta’ Diċembru 2020 li rriżultaw mill-konverżjoni ta’ dawn it-tranżazzjonijiet fl-ekwivalenti f’euro bil-prezz medju tal-munita rispettiva fid-data tal-karta tal-bilanċ, imqabblin mal-valuri f’euro li bihom it-tranżazzjonijiet daħlu fil-kontijiet għall-ewwel darba (ara “Strumenti esklużi mill-karta tal-bilanċ” fit-Taqsima 2.3 “Politika tal-kontabilità”).

Nota 8 - Karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni

Din il-partita tikkonsisti mis-sehem tal-BĊE (8%) mit-total ta’ karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni (ara “Karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni” fit-Taqsima 2.3 “Politika tal-kontabilità”) u fil-31 ta’ Diċembru 2020 kienet tammonta għal €114,761 miljun (2018: €103,420 miljun).

Nota 9 - Obbligazzjonijiet oħra ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu taż-żona tal-euro denominati f’euro

Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom il-possibbiltà li jaċċettaw flus kontanti bħala kollateral fil-faċilitajiet tagħhom ta’ self ta’ titoli fil-PSPP, bla ma jkollhom jinvestuhom mill-ġdid. Fil-każ tal-BĊE, dawn l-operazzjonijiet isiru permezz ta’ istituzzjoni speċjalizzata. L-istess kundizzjonijiet japplikaw għall-investimenti tas-settur pubbliku PEPP.

Fil-31 ta’ Diċembru 2020 il-valur pendenti ta’ tranżazzjonijiet bħal dawn ta’ self ta’ titoli PSPP li saru ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu taż-żona tal-euro kien ta’ €2,559 miljun (2019: €1,325 miljun). Il-flus kontanti aċċettati bħala kollateral ġew ittrasferiti f’kontijiet tat-TARGET2. Billi l-flus kontanti baqgħu ma ġewx investiti sa tmiem is-sena, dawn it-tranżazzjonijiet daħlu fil-Karta tal-Bilanċ (ara “Tranżazzjonijiet riversjati” fit-Taqsima 2.3 “Politika tal-kontabilità”).[41]

Nota 10 - Obbligazzjonijiet ma’ residenti oħra taż-żona tal-euro denominati f’euro

Nota 10.1 - Amministrazzjoni pubblika

Fil-31 ta’ Diċembru 2020, din il-partita ammontat għal €10,012 miljun (2019: €18,198 miljun) u kienu jinkludu depożiti tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES) u l-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja (EFSF) (ara “Riklassifikazzjonijiet” fit-Taqsima 2.3 “Politiki tal-kontabilità”).

Nota 10.2 – Obbligazzjonijiet oħrajn

Fil-31 ta’ Diċembru 2020, din il-partita ammontat għal €3,688 miljun (2019: €2,268 miljun). Din il-partita tinkludi depożiti jew pagamenti ta’ fondi aċċettati mill-BĊE u li jsiru minn jew f’isem il-parteċipanti fl-EURO1 u RT1[42] li jintużaw bħala fond ta’ garanzija għall-EURO1 jew biex isostnu s-saldu fl-RT1.

Nota 11 - Obbligazzjonijiet ma’ residenti mhux taż-żona tal-euro denominati f’euro

Fil-31 ta’ Diċembru 2020, din il-partita ammontat għal €11,567 miljun (2019: €7,245 miljun). L-akbar komponent kien ammont ta’ €4,685 miljun (2019: € 3,271 miljun) li jikkonsisti f’bilanċi tat-TARGET2 tal-BĊN barra ż-żona tal-euro vis-à-vis il-BĊE (ara "Bilanċi Intra-SEBĊ/bilanċi intra-Eurosistema” fit-Taqsima 2.3 "Politiki tal-kontabilità"). Iż-żieda f’dawn il-bilanċi fl-2020 tikkorrispondi maċ-ċirkolazzjoni ta’ ħlasijiet netti minn detenturi ta’ kontijiet f’pajjiżi taż-żona tal-euro lil detenturi ta’ kontijiet f’pajjiżi li mhumiex fiż-żona tal-euro li jiġu ssaldati permezz tat-TARGET2.

Din il-partita kienet tinkludi wkoll ammont ta’ €3,457 miljun (2019: €3,350 miljun) li jirriżulta mid-dispożizzjoni reċiproka permanenti tal-munita mal-Federal Reserve Bank ta’ New York. B’din id-dispożizzjoni, il-Federal Reserve System tipprovdi dollari Amerikani lill-BĊE permezz ta’ tranżazzjonijiet swap biex jiġi pprovdut finanzjament f’dollari Amerikani għal żmien qasir lil kontropartijiet tal-Eurosistema. Il-BĊE jagħmel tranżazzjonijiet swap back-to-back simultanji mal-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro li jużaw dawn il-fondi biex imexxu operazzjonijiet għall-provediment ta’ likwidità f’dollari Amerikani ma’ kontropartijiet fl-Eurosistema bħala tranżazzjonijiet riversjati. It-tranżazzjonijiet swap back-to-back joħolqu bilanċi fi ħdan l-Eurosistema bejn il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali. Barra minn hekk, it-tranżazzjonijiet swap li jsiru mal-Federal Reserve u l-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro joħolqu klejms u obbligazzjonijiet forward li jidħlu fil-kontijiet esklużi mill-karta tal-bilanċ (ara n-nota 20 “Tranżazzjonijiet swap u forward tal-kambju”).

Il-bqija ta’ din il-partita tikkonsisti minn ammont ta’ €3,425 miljun (2019: €625 miljun) minn tranżazzjonijiet pendenti ta’ self ta’ titoli fil-PSPP li saru ma’ residenti barra ż-żona tal-euro, fejn daħlu flus kontanti bħala kollateral u ġew ittrasferiti għall-kontijiet tat-TARGET2 (ara n-nota 9, “Obbligazzjonijiet oħra ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu taż-żona tal-euro denominati f’euro”).

Nota 12 - Obbligazzjonijiet intra-Eurosistema

Nota 12.1 - Obbligazzjonijiet ekwivalenti għat-trasferiment ta’ riżervi barranin

Dawn jirrappreżentaw l-obbligazzjonijiet ma’ BĊN taż-żona tal-euro li oriġinaw mit-trasferiment ta’ assi f’riżervi barranin lill-BĊE meta ssieħbu fl-Eurosistema. Bis-saħħa tal-Artikolu 30.2 tal-Istatut tas-SEBĊ, dawn il-kontribuzzjonijiet huma ffissati fi proporzjon tal-ishma tal-BĊN fil-kapital sottoskritt tal-BĊE. Wara (a) iż-żieda fl-ippeżar tal-BĊN taż-żona tal-euro (li ttrasferew assi ta’ riżerva barranin lill-BĊE) fil-kapital sottoskritt tal-BĊE li jirriżulta mill-irtirar tal-Bank of England mill-SEBĊ u (b) deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv li tnaqqas il-proporzjon tal-kontribuzzjonijiet tal-BĊN taż-żona tal-euro, sabiex l-ammont totali ta’ assi ta’ riżervi barrani trasferiti diġà mill-BĊN taż-żona tal-euro jibqa’ fil-livell kurrenti, ġiet aġġustata marġinalment r-responsabbiltà ekwivalenti għal dan it-trasferiment. Dan irriżulta fi tnaqqis żgħir ta’ €0.2 miljun fl-1 ta’ Frar 2020, li tħallas lura lill-BĊN taż-żona tal-euro.

Ir-remunerazzjoni ta’ dawn l-obbligazzjonijiet tiġi kalkulata kuljum bl-aħħar rata tal-imgħax marġinali disponibbli użata mill-Eurosistema fl-offerti tagħha għall-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament, aġġustata biex ma tirrifletti ebda qligħ mill-komponent tad-deheb (ara n-nota 23.3 “Remunerazzjoni ta’ klejms ta’ banek ċentrali nazzjonali fir-rigward ta’ riżervi barranin trasferiti”).

Nota 12.2 - Obbligazzjonijiet oħra fl-Eurosistema (netti)

Fl-2020 din il-partita kienet tikkonsisti fil-bilanċi TARGET2 tal-BĊN taż-żona tal-euro vis-à-vis il-BĊE u l-ammont dovut lill-BĊN taż-żona tal-euro fir-rigward tad-distribuzzjoni tal-qligħ interim tal-BĊE (ara “Bilanċi fi ħdan is-SEBĊ/bilanċi fi ħdan l-Eurosistema” u “Distribuzzjoni interim tal-qligħ”, rispettivament, fit-Taqsima 2.3 "Politiki tal-Kontabilità").

Iż-żieda fl-obbligazzjoni netta tat-TARGET2 rriżultat l-aktar mix-xiri nett ta’ titoli taħt il-PEPP u l-APP, li ġew saldati permezz tal-kontijiet TARGET2 (ara n-nota 5, “Titoli ta’ residenti taż-żona tal-euro denominati f’euro”). Barra minn hekk, it-tnaqqis fid-depożiti aċċettati mill-BĊE fir-rwol tiegħu bħala aġent fiskali (ara n-nota 10.1 “Gvern ġenerali”) u l-ħlas tad-distribuzzjoni tal-profitt tal-BĊE għall-2019 ikkontribwixxew ukoll għaż-żieda fir-responsabbiltà fl-2020. Din iż-żieda tpaċiet parzjalment bid-dħul mill-imgħax irċevut minn titoli miżmumin għall-finijiet tal-politika monetarja u ż-żieda fil-flus kontanti rċevuti bħala kollateral kontra s-self ta’ titoli tal-PSPP u tas-settur pubbliku PEPP (ara n-nota 9 “Obbligazzjonijiet oħra lil istituzzjonijiet ta’ kreditu taż-żona tal-euro denominati f’euro” u n-nota 11 “Obbligazzjonijiet lil residenti barra ż-żona tal-euro denominati f’euro”).

Ir-remunerazzjoni tal-pożizzjonijiet tat-TARGET2, ħlief il-bilanċi mit-tranżazzjonijiet swap back-to-back fir-rigward tal-operazzjonijiet għall-provediment ta’ likwidità f’dollari Amerikani, tiġi kalkulata kuljum bl-aħħar rata tal-imgħax marġinali disponibbli użata mill-Eurosistema fl-offerti tagħha għall-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament.

Noti 13 - Assi oħrajn

Nota 13.1 - Differenzi fir-rivalutazzjoni ta’ strumenti esklużi mill-karta tal-bilanċ

Din il-partita tikkonsisti f’tibdil fil-valutazzjoni tat-tranżazzjonijiet swap u forward f’munita barranija li kienu pendenti fil-31 ta’ Diċembru 2020 (ara n-nota 20 “Tranżazzjonijiet swap u forward tal-kambju”). Dawn il-bidliet fil-valutazzjoni ammontaw għal €636 miljun (2019: €709 miljun) u huma r-riżultat tal-konverżjoni ta’ tranżazzjonijiet simili fl-ekwivalenti tagħhom f’euro bir-rati tal-kambju tad-data tal-karta tal-bilanċ, imqabblin mal-valuri f’euro li jirriżultaw mill-konverżjoni tat-tranżazzjonijiet bil-prezz medju tal-munita barranija rispettiva f’dik id-data (ara “Strumenti esklużi mill-karta tal-bilanċ” u “Assi u obbligazzjonijiet f’deheb u f’munita barranija” fit-Taqsima 2.3, “Politika tal-kontabilità”).

Nota 13.2 - Dovuti u dħul miġbur bil-quddiem

Din il-partita kienet tinkludi l-komponenti li ġejjin fil-31 ta’ Diċembru 2020:

Nota 13.3 - Varji

Fil-31 ta’ Diċembru 2020 din il-partita kienet tammonta għal €2,419 miljun (2019: €2,188 miljun). Kienet tinkludi bilanċi li ammontaw għal €507 miljun (2019: €662 million) relatati ma’ tranżazzjonijiet swap u forward f’munita barranija li kienu pendenti fil-31 ta’ Diċembru 2020 (ara n-nota 20, “Tranżazzjonijiet swap u forward tal-kambju”). Dawn il-bilanċi ħarġu mit-tisrif ta’ tranżazzjonijiet simili fl-ekwivalenti f’euro bil-prezz medju tal-munita rispettiva fid-data tal-karta tal-bilanċ, imqabbel mal-valuri f’euro li bihom it-tranżazzjonijiet daħlu fil-kontijiet għall-ewwel darba (ara “Strumenti esklużi mill-karta tal-bilanċ” fit-Taqsima 2.3 “Politika tal-kontabilità”).

Din il-partita kienet tinkludi wkoll obbligazzjoni ta’ kiri ta’ €199 miljun (2019: €232 miljun) (ara “Kirjiet” fit-Taqsima 2.3 “Politiki tal-kontabilità”).

Barra minn hekk, din il-partita tinkludi l-obbligazzjoni netta tal-benefiċċji definiti tal-BĊE fir-rigward tal-benefiċċji ta’ wara l-impjieg u benefiċċji oħra fit-tul tal-persunal tiegħu[43] u tal-membri tal-Bord Eżekuttiv kif ukoll tal-membri tal-Bord Superviżorju impjegati mill-BĊE. Il-benefiċċji tat-terminazzjoni tal-persunal tal-BĊE huma inklużi wkoll.

Il-benefiċċji tal-BĊE ta’ wara l-impjieg, benefiċċji oħra fit-tul u benefiċċji tat-terminazzjoni

Karta tal-Bilanċ
L-ammonti rikonoxxuti fil-Karta tal-Bilanċ taħt il-partita “Varji” (obbligazzjonijiet) fir-rigward tal-benefiċċji ta’ wara l-impjieg, benefiċċji oħra fit-tul u benefiċċji tat-terminazzjoni tal-persunal kienu kif ġej:

Nota: Il-kolonni bl-isem “Bordijiet” jagħtu l-ammonti fir-rigward kemm tal-Bord Eżekuttiv kif ukoll tal-Bord Superviżorju.

Fl-2020 il-valur attwali tal-obbligu definit vis-à-vis il-persunal ta’ €3,034 miljun (2019: €2,497 miljun) kien jinkludi benefiċċji mhux finanzjati ta’ €364 miljun (2019: €323 miljun) relatati mal-benefiċċji ta’ wara l-impjieg minbarra l-pensjonijiet, ma’ benefiċċji oħra fit-tul u ma’ benefiċċji tat-terminazzjoni tal-persunal. Il-valur preżenti tal-obbligu vis-à-vis l-membri tal-Bord Eżekuttiv u l-membri tal-Bord Superviżorju, ta’ €44 miljun (2019: €39 miljun) hu relatat biss ma’ provedimenti mhux finanzjati li jeżistu għall-benefiċċji ta’ wara l-impjieg u benefiċċji oħra fit-tul.

Il-kalkoli mill-ġdid tal-obbligazzjoni netta tal-benefiċċju definit tal-BĊE fir-rigward tal-benefiċċji ta’ wara l-impjieg huma rikonoxxuti fil-Karta ta’ Bilanċ taħt il-partita “Kontijiet ta’ rivalutazzjoni”. Fl-2020, it-telf tal-kalkolu mill-ġdid taħt dik il-partita tal-obbligazzjoni ammonta għal €1,067 miljun (2019: €749 miljun (ara n-nota 15 “Kontijiet ta’ rivalutazzjoni”).

Tibdil fl-obbligu tal-benefiċċji definiti, assi tal-iskema u riżultati tal-kalkoli ġodda
It-tibdil fil-valur attwali tal-obbligu tal-benefiċċji definiti jidher hawn taħt:

Nota: Il-kolonni bl-isem “Bordijiet” jagħtu l-ammonti fir-rigward kemm tal-Bord Eżekuttiv kif ukoll tal-Bord Superviżorju.
1) Ċifra netta li tinkludi kontribuzzjonijiet obbligatorji u trasferimenti fi/barra mill-iskemi. Il-kontribuzzjonijiet obbligatorji mħallsa mill-persunal huma 7.4%, waqt li dawk imħallsa mill-BĊE huma 20.7% tas-salarju bażiku.

It-telf mill-kalkolu mill-ġdid ta’ €363 miljun fuq l-obbligu ta’ benefiċċju definit fl-2020 inħoloq primarjament minħabba ż-żieda fir-rata tal-pensjoni futura 1.0% fl-2019 għal 1.7% fl-2020. Barra minn hekk, ir-rata ta’ skont użata għall-valutazzjoni kompliet tonqos minn 1.2 % fl-2019 għal 1.1 % fl-2020.

It-tibdil fl-2020 fil-valur ġust tal-assi tal-iskema fl-istruttura tal-benefiċċji definiti fir-rigward tal-persunal jidher hawn taħt:

Il-qligħ bil-kalkoli mill-ġdid fuq l-assi tal-iskema fl-2020 kien jirrifletti l-fatt li r-redditu attwali mill-unitajiet tal-fondi kien ogħla mid-dħul mill-imgħax assunt fuq l-assi tal-iskema, li kien ibbażat fuq l-assunzjoni ta’ rata ta’ skont,

It-tibdil fl-2020 fir-riżultati tal-kalkoli mill-ġdid kienu kif ġej:

Kont tal-Profitt u t-Telf
L-ammonti li jidhru fil-Kont tal-Profitt u t-Telf fl-2020 huma dawn:

Nota: Il-kolonni bl-isem “Bordijiet” jagħtu l-ammonti fir-rigward kemm tal-Bord Eżekuttiv kif ukoll tal-Bord Superviżorju.

L-ispiża kurrenti tas-servizz żdiedet fl-2020 għal €142 miljun (2019: €92 miljun) l-aktar minħabba tnaqqis fir-rata ta’ skont minn 2.3% fl-2018 għal 1.2% fl-2019.[44]

Assunzjonijiet ewlenin
Fit-tħejjija tal-valutazzjonijiet imsemmijin f’din in-nota, l-attwarji użaw ipoteżijiet li ġew aċċettati mill-Bord Eżekuttiv għall-għanijiet tal-kontabilità u l-pubblikazzjoni. L-assunzjonijiet ewlenin użati għal skopijiet ta’ kalkolu tal-obbligu tal-benefiċċji ta’ wara l-impjieg u benefiċċji oħra fit-tul kienu kif ġej:

1) Dawn l-assunzjonijiet intużaw fil-kalkolu tal-parti tal-obbligu tal-benefiċċji definiti tal-BĊE li hi finanzjata minn assi b’garanzija ta’ kapital ta’ bażi.
2) Barra dan, issir konċessjoni għal żidiet prospettivi fis-salarji individwali ta’ mhux aktar minn 1.8% fis-sena, skont l-età tal-parteċipanti fl-iskema.

3) Skont ir-regoli tal-iskema tal-pensjoni tal-BĊE, il-pensjonijiet għandhom jiżdiedu kull sena. Jekk l-aġġustamenti ġenerali fis-salarji tal-impjegati tal-BĊE jkunu inqas mill-inflazzjoni tal-prezzijiet, kull żieda fil-pensjonijiet għandha tkun konformi mal-aġġustamenti ġenerali fis-salarji. Jekk l-aġġustamenti ġenerali fis-salarji jaqbżu l-inflazzjoni tal-prezzijiet, dawn jiġu applikati biex tiġi kalkulata ż-żieda fil-pensjonijiet, sakemm il-pożizzjoni finanzjarja tal-iskemi tal-pensjoni tal-BĊE tkun tiflaħ għal żieda bħal din.

Nota 14 - Dispożizzjonijiet

Din il-partita tikkonsisti l-aktar f’provediment għar-riskji finanzjarji li se jintuża safejn jitqies meħtieġ mill-Kunsill Governattiv biex ipatti għal telf realizzat u mhux realizzat fil-ġejjieni. Id-daqs u r-rekwiżit kontinwu ta’ dan il-provediment jiġu eżaminati kull sena, skont l-evalwazzjoni tal-BĊE tal-iskopertura tiegħu għal dawn ir-riskji filwaqt li titqies firxa ta’ fatturi. Id-daqs tiegħu, flimkien ma’ kull ammont miżmum fil-fond ġenerali tar-riżervi, m’għandux jaqbeż il-valur tal-kapital tal-BĊE mħallas mill-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro.

Meta jitqiesu r-riżultati tal-istima tal-iskoperturi tal-BĊE għal riskji finanzjarji u l-limitu massimu permess tal-provediment tal-BĊE għal riskji finanzjarji, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jittrasferixxi, fil-31 ta’ Diċembru 2020, ammont ta’ €48 miljun għal din id-dispożizzjoni. Dan it-trasferiment naqqas il-qligħ nett tal-BĊE għall-2020 għal €1,643 miljun u żied id-daqs tal-provediment għal €7,584 miljun, li jikkorrispondi għall-valur tal-kapital tal-BĊE mħallas mill-BĊN taż-żona tal-euro f’dik id-data.

Din il-partita kienet tinkludi wkoll provedimenti amministrattivi li jammontaw għal €57 miljun (2019: €50 miljun).

Nota 15 - Kontijiet ta’ rivalutazzjoni

Din il-partita tikkonsisti f’bilanċi ta’ rivalutazzjoni mill-qligħ mhux realizzat fuq assi, obbligazzjonijiet u strumenti esklużi mill-karta tal-bilanċ (ara “Rikonoxximent tad-dħul”, “Assi u obbligazzjonijiet f’deheb u f’munita barranija”, “Titoli” u “Strumenti esklużi mill-karta tal-bilanċ” fit-Taqsima 2.3 "Politiki tal-kontabilità). Il-partita tinkludi wkoll il-kalkoli l-ġodda tal-obbligu nett tal-benefiċċji definiti tal-BĊE fir-rigward tal-benefiċċji ta’ wara l-impjieg (ara “Il-benefiċċji ta’ wara l-impjieg tal-BĊE, benefiċċji oħra fit-tul u benefiċċji tat-terminazzjoni” fit-Taqsima 2.3 “Politiki tal-kontabilità” u n-nota 13.3 “Varji”).

It-tnaqqis fid-daqs tal-kontijiet ta’ rivalutazzjoni huwa prinċipalment minħabba d-deprezzament tad-dollaru Amerikan u l-yen Ġappuniż kontra l-euro fl-2020. Dan it-tnaqqis kien parzjalment ikkumpensat minn żieda fid-daqs tal-kontijiet tar-rivalutazzjoni tad-deheb minħabba ż-żieda fil-prezz tas-suq tad-deheb fl-2020.

Ir-rati tal-kambju użati għar-rivalutazzjoni tal-aħħar tas-sena jidhru hawn taħt:

Nota 16 - Kapital u riżervi

Nota 16.1 - Kapital

Bidla għall-iskema ta’ sottoskrizzjoni tal-kapital tal-BĊE

Skont l-Artikolu 29 tal-Istatut tal-SEBĊ, l-ishma tal-BĊN fl-iskema għas-sottoskrizzjoni għall-kapital tal-BĊE huma peżati skont l-ishma tal-Istati Membri rispettivi fil-popolazzjoni totali u l-prodott gross domestiku tal-UE, b’mod indaqs.[45] Dawn il-piżijiet jiġu aġġustati kull ħames snin u kull meta jkun hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-BĊN li jikkontribwixxu għall-kapital tal-BĊE, jiġifieri l-BĊN tal-Istati Membri tal-UE. Bħala riżultat tat-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea fil-31 ta’ Jannar 2020 u l-irtirar konsegwenti tal-Bank of England mis-SEBĊ, il-piżijiet assenjati lill-BĊN l-oħra fl-iskema tas-sottoskrizzjoni għall-kapital tal-BĊE ġew aġġustati b’effett mill-1 ta’ Frar 2020 kif ġej:

Kapital tal-BĊE
Il-kapital sottskritt tal-BĊE huwa ta’ €10,825 miljun. Il-BĊE żamm il-kapital sottoskritt tiegħu kif kien wara l-irtirar tal-Bank of England mis-SEBĊ. Is-sehem attwali tal-Bank of England fil-kapital sottoskritt tal-BĊE, li hu ta’ 14.3%, ġie riallokat kemm fost il-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro (BĊN) kif ukoll fost il-BĊN l-oħra barra ż-żona tal-euro.

Il-kapital imħallas tal-BĊE se jibqa’ wkoll mingħajr tibdil bi €7,659 miljun fl-2020, billi l-BĊN l-oħra koprew il-kapital li kien tħallas tal-Bank of England ta’ €58 miljun. Matul is-sentejn li ġejjin, f’żewġ pagamenti annwali, il-BĊN taż-żona tal-euro se jħallsu b’mod sħiħ iż-żieda fis-sottskrizzjonijiet tagħhom lill-kapital tal-BĊE wara l-irtirar mill-Bank of England mis-SEBĊ. Dan se jżid il-kapital imħallas tal-BĊE minn €7,659 miljun fl-2020 għal €8,270 miljun fl-2021 u €8,880 miljun fl-2022.

2.5 Strumenti esklużi mill-karta tal-bilanċ

Nota 17 - Programmi ta’ self ta’ titoli

Bħala parti mill-ġestjoni tal-fondi proprji tal-BĊE, il-BĊE għandu ftehim dwar programm ta’ self ta’ titoli li bih istituzzjoni speċjalizzata tagħmel tranżazzjonijiet ta’ self ta’ titoli f’isem il-BĊE.

Barra minn hekk, skont id-deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv, il-BĊE għamel disponibbli għas-self l-investimenti tiegħu f’titoli akkwistati fl-ewwel, it-tieni u t-tielet CBPPs, il-PSPP u l-PEPP, kif ukoll l-investimenti tiegħu f’titoli akkwistati taħt l-SMP li huma eliġibbli wkoll għall-akkwist fil-PSPP.[46]

Jekk dawn l-operazzjonijiet ta’ self ta’ titoli ma jsirux kontra kollateral fi flus kontanti li jibqa’ mhux investit fl-aħħar tas-sena, jiġu rreġistrati fil-kontijiet esklużi mill-karta tal-bilanċ.[47] Operazzjonijiet ta’ self ta’ titoli bħal dawn, b’valur ta’ €17,214 miljun (2019: €10,076 miljun) kienu pendenti fil-31 ta’ Diċembru 2020. Minn dan l-ammont, €12,615 miljun (2019: €5,502 miljun) kien relatat mas-self ta’ titoli miżmumin għall-għanijiet tal-politika monetarja.

Nota 18 - Futures tar-rati tal-imgħax

Fil-31 ta’ Diċembru 2020 dawn it-tranżazzjonijiet f’munita barranija, li jidhru bir-rati tas-suq tal-aħħar tas-sena, kienu pendenti:

Dawn it-tranżazzjonijiet saru fl-ambitu tal-ġestjoni tar-riżervi barranin tal-BĊE.

Nota 19 - Swaps tar-rati tal-imgħax

Ma kien hemm l-ebda tranżazzjoni ta’ swap ta’ rata ta’ imgħax pendenti fil-31 ta’ Diċembru 2020, filwaqt li fi tmiem l-2019 tranżazzjonijiet b’valur nozzjonali ta’ €703 miljun, ippreżentati bir-rati tas-suq ta’ tmiem is-sena, kienu pendenti. Dawn it-tranżazzjonijiet isiru fl-ambitu tal-ġestjoni tar-riżervi barranin tal-BĊE.

Nota 20 - Tranżazzjonijiet swap u forward tal-kambju

Ġestjoni ta’ riżervi barranin
Saru tranżazzjonijiet swap u forward tal-kambju fl-2020 fl-ambitu tal-ġestjoni tar-riżervi barranin tal-BĊE. Il-klejms u l-obbligazzjonijiet li rriżultaw minn dawn it-tranżazzjonijiet li kienu pendenti fil-31 ta’ Diċembru 2020 qegħdin jidhru bir-rati tas-suq ta’ tmiem is-sena kif ġej:

Arranġamenti ta’ swap li jipprovdu likwidità
Il-BĊE għandu fis-seħħ arranġamenti reċiproċi ta’ swap mal-Bank of Canada, il-Bank of England, il-Bank of Japan, il-Federal Reserve Bank of New York, is-Swiss National Bank u l-People’s Bank of China. Dawn l-arranġamenti ta’ swap jippermettu l-provvista ta’ (a) likwidità fi kwalunkwe mill-muniti rispettivi tal-banek ċentrali msemmija hawn fuq lill-banek taż-żona tal-euro jew (b) likwidità tal-euro lil istituzzjonijiet finanzjarji fil-ġurisdizzjonijiet tal-banek ċentrali msemmija hawn fuq. Barra minn hekk, ftehimiet ta’ swap huma wkoll fis-seħħ mal-Bank Nazzjonali Bulgaru, Hrvatska narodna banka, Danmarks Nationalbank u Sveriges Riksbank għall-provvista ta’ likwidità tal-euro lil istituzzjonijiet finanzjarji fil-ġurisdizzjonijiet tagħhom. L-arranġamenti ta’ hawn fuq għandhom l-għan li jindirizzaw il-ħtiġijiet possibbli ta’ likwidità biex jiġu miġġielda d-disfunzjonijiet potenzjali tas-suq.

Klejms u obbligazzjonijiet f’dollari Amerikani b’data ta’ maturità fl-2021 saru fir-rigward tal-provediment ta’ likwidità f’dollari Amerikani lil kontropartijiet tal-Eurosistema (ara n-nota 11 “Obbligazzjonijiet ma’ residenti barra ż-żona tal-euro denominati f’euro”).

Nota 21 - Amministrazzjoni ta’ operazzjonijiet ta’ self

Fl-2020 il-BĊE kompla jkun responsabbli għall-amministrazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ self tal-UE taħt il-faċilità ta’ assistenza finanzjarja għal żmien medju u l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja, għall-ftehim ta’ faċilità ta’ self għall-Greċja, u għall-amministrazzjoni ta’ ħlasijiet relatati ma’ żewġ selfiet tal-EFSF.

Barra minn hekk, fl-2020, bi tweġiba għall-pandemija tal-COVID-19, l-UE tat self lill-Istati Membri taħt l-istrument il-ġdid tagħha għal Appoġġ temporanju biex jittaffew ir-Riskji tal-Qgħad f’Emerġenza (SURE). Il-BĊE u l-BĊN tal-Istati Membri tal-UE li ssellfu appoġġaw lill-Kummissjoni Ewropea fl-amministrazzjoni ta’ dan is-self

Fl-2020 il-BĊE pproċessa pagamenti relatati mal-operazzjonijiet kollha msemmija hawn fuq.

Nota 22 - Obbligazzjonijiet kontinġenti minn kawżi pendenti

Saru diversi kawżi kontra l-BĊE u istituzzjonijiet oħra tal-UE minn għadd ta’ depożitanti, azzjonisti u detenturi ta’ bonds ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu Ċiprijotti. Ir-rikorrenti jallegaw li ġarrbu telf finanzjarju minħabba azzjonijiet li huma jikkunsidraw li wasslu għar-ristrutturar ta’ dawn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu fil-kuntest tal-programm ta’ assistenza finanzjarja għal Ċipru in 2013. Tnejn minn dawn il-kawżi, magħżula bħala prova, ġew miċħudin fil-mertu mill-Qorti Ġenerali tal-UE fl-2018, u r-rikorrenti u l-Kunsill ippreżentaw appelli kontra dawn is-sentenzi. Permezz tas-sentenza tagħha tas-16 ta’ Diċembru 2020, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE ċaħdet l-appelli ppreżentati mill-applikanti fil-prim’istanza kontra dawn iż-żewġ kawżi ta’ prova u b’hekk ikkonfermat is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali (tal-2018) li ċaħdet ir-rikorsi għad-danni diretti kontra l-BĊE. Il-każijiet l-oħra kollha simili, li kienu ġew sospiżi, huma mistennija li jiġu deċiżi skont ir-riżultat finali tal-kawżi ta’ prova u għalhekk il-BĊE għandu jirbaħ dawn il-kawżi wkoll. Dan isegwi d-digrieti tal-Qorti Ġenerali fl-2014 li sabu tnax-il kawża simili inammissibbli fl-intier tagħhom u, wara li saru appelli, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-2016 li jew ikkonfermaw l-inammissibilità jew iddeċidew favur il-BĊE. L-involviment tal-BĊE fil-proċess li wassal għall-konklużjoni tal-programm ta’ assistenza finanzjarja kien limitat għall-għoti ta’ pariri tekniċi, skont it-Trattat MSE, b’kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll għall-ħruġ ta’ opinjoni mhux vinkolanti dwar l-abbozz ta’ liġi ta’ riżoluzzjoni Ċiprijotta. Għalhekk jitqies li l-ebda telf mhu se jiġġarrab mill-BĊE bħala riżultat ta’ dawn il-kawżi anki minħabba d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi ta’ prova msemmija hawn fuq.

2.6 Noti fuq il-Kont tal-Profitt u t-Telf

Nota 23 - Dħul nett mill-imgħax

Nota 23.1 - Dħul mill-imgħax fuq assi f’riżervi barranin:

Din il-partita tinkludi d-dħul mill-imgħax, bl-ispiża tal-imgħax imnaqqsa, fir-rigward tal-assi netti f’riżervi barranin tal-BĊE, kif jidher hawn taħt:

It-tnaqqis globali fid-dħul nett mill-imgħax fl-2020 kien dovut l-aktar għal dħul aktar baxx mill-imgħax iġġenerat mill-portafoll tad-dollaru Amerikan.

Nota 23.2 - Dħul mill-imgħax fuq l-allokazzjoni ta’ karti tal-euro ġewwa l-Eurosistema

Din il-partita tikkonsisti fid-dħul mill-imgħax relatat mas-sehem ta’ 8% tal-BĊE mill-ħruġ totali ta’ karti tal-euro (ara “Karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni” fit-Taqsima 2.3 “Politika tal-kontabilità” u n-nota 6.1 “Klejms relatati mal-allokazzjoni ta’ karti tal-euro fl-Eurosistema”). Għall-2020 dan id-dħul mill-imgħax kien żero, minħabba l-fatt li r-rata fuq l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament baqgħet 0% matul is-sena kollha.

Nota 23.3 - Remunerazzjoni ta’ klejms ta’ banek ċentrali nazzjonali fir-rigward ta’ riżervi barranin trasferiti

Ir-remunerazzjoni mħallsa lill-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro fuq il-klejms tagħhom fir-rigward tal-assi f’rizervi barranin trasferiti lill-BĊE (ara n-nota 12.1 “Obbligazzjonijiet ekwivalenti għat-trasferiment ta’ riżervi barranin”) tidher f’din l-intestatura. Fl-2020 ir-remunerazzjonidan kienet żero, minħabba l-fatt li r-rata fuq l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament baqgħat 0% matul is-sena kollha.

Nota 23.4 - Dħul ieħor mill-imgħax; u spejjeż oħra tal-imgħax

Dħul ieħor mill-imgħax u spiża oħra tal-imgħax fl-2020 kienu kif ġej:

1) Id-dħul nett tal-BĊE mill-imgħax fuq l-investimenti SMP f’bonds tal-gvern Grieg ammonta għal €50 miljun (2019: €94 miljun).

Nota 24 - Qligħ/telf realizzat minn operazzjonijiet finanzjarji

Il-qligħ nett realizzat minn operazzjonijiet finanzjarji fl-2020 jidher hawn taħt:

Il-qligħ nett realizzat minn prezzijiet jinkludi l-qligħ u t-telf realizzat mit-titoli, mill-futures tar-rati tal-imgħax u mis-swaps tar-rati tal-imgħax. Iż-żieda fil-qligħ mill-prezz nett realizzat fl-2020 kien prinċipalment dovut għal qligħ realizzat fil-prezz ogħla ġġenerat fil-portafoll tad-dollaru Amerikan, bħala riżultat ta’ rendiment iktar baxx tat-titoli tad-dollaru Amerikan meta mqabbel mal-2019.

Nota 25 - Valutazzjoni negattiva ta’ assi u pożizzjonijiet finanzjarji

Il-valutazzjoni negattiva ta’ assi u pożizzjonijiet finanzjarji fl-2020 tidher hawn taħt:

Il-valutazzjonijiet negattiva ogħla meta mqabbla mal-2019 kienu dovuti għat-telf mhux realizzat fir-rata tal-kambju li rriżulta mill-pussess Ċiniż tar-renminbi. Il-kost medju tal-akkwist ta’ dan l-investiment tnaqqas għar-rata tal-kambju tiegħu ta’ tmiem is-sena 2020 minħabba d-deprezzament ta’ din il-munita kontra l-euro għal livell aktar baxx mill-ispiża medja tagħha.

Nota 26 - Dħul nett/spiża netta minn tariffi u kummissjonijiet

Fl-2020 id-dħul f’din l-intestatura kien jikkonsisti l-aktar f’tariffi superviżorji. L-ispejjeż irriżultaw l-aktar mit-tariffi tal-kustodja.

Dħul u spejjeż relatati mal-kompiti superviżorji
Il-BĊE jimponi tariffi annwali fuq entitajiet taħt superviżjoni biex jirkupra l-ispiża mġarrba fit-twettiq tal-kompiti superviżorji tiegħu. Wara l-implimentazzjoni tal-fatturazzjoni ex post ta’ din is-sena skont il-qafas rivedut tat-tariffi,[48] it-tariffi huma bbażati fuq l-ispejjeż annwali reali għall-kompiti superviżorji mġarrba fil-perjodu rispettiv tat-tariffi aġġustati għall-ammonti rimborżati lil/irċevuti minn banek individwali għal perjodi ta’ tariffi preċedenti u aġġustamenti oħra, inkluż l-imgħax li wasal fuq ħlasijiet tard.[49] Fl-2020, għall-aħħar darba, l-ammont impost se jkun affettwat mill-ammont żejjed riportat mill-perjodu tariffarju preċedenti. It-tariffi superviżorji individwali jiġu fatturati fit-tieni trimestru wara tmiem is-sena rispettiva.

Abbażi tal-ispiża attwali tal-BĊE għat-twettiq tal-kompiti ta’ superviżjoni bankarji tiegħu, id-dħul mit-tariffi superviżorji għall-2020 kien ta’ €535 miljun. Madankollu, it-tariffi superviżorji annwali li għandhom jiġu imposti lill-entitajiet taħt superviżjoni għall-2020 jammontaw għal €514 miljun (ara n-nota 7.4 “Dovuti u spejjeż imħallsin bil-quddiem”)[50] hekk kif ġew aġġustati għal (a) is-surplus ta’ €22 miljun riportat mill-perjodu tat-tariffa tal-2019 u (b) ammont ta’ €1 miljun li jikkorrispondi għal rimborsi netti lil banek individwali għal perjodi ta’ tariffi preċedenti u aġġustamenti oħra, inkluż l-imgħax riċevut fuq pagamenti tard.

Il-BĊE hu intitolat ukoll li jimponi penali amministrattivi fuq entitajiet taħt superviżjoni għal nuqqas ta’ konformità mar-regolamenti bankarji tal-UE dwar rekwiżiti prudenzjali (inklużi d-deċiżjonijiet superviżorji tal-BĊE). Id-dħul relatat ma jitqiesx fil-kalkolu tat-tariffi superviżorju annwali. Minflok, dan jiġi rreġistrat bħala dħul fil-kont tal-profitt u t-Telf tal-BĊE u jitqassam lill-BĊN taż-żona tal-euro bħala parti mir-reġim tal-BĊE għat-tqassim tal-qligħ. Fl-2020 ma kien hemm l-ebda dħul minn penali fuq entitajiet taħt superviżjoni.

B’hekk, id-dħul relatat tal-BĊE għal kompiti superviżorji fl-2020 kien kif ġej:

L-ispejjeż relatati mas-superviżjoni bankarja jirriżultaw mis-superviżjoni diretta ta’ entitajiet sinifikanti, is-sorveljanza tas-superviżjoni ta’ entitajiet inqas sinifikanti u t-twettiq ta’ kompiti orizzontali u servizzi speċjalizzati. Dawn jikkonsistu fl-ispejjeż diretti tad-Direttorati Ġenerali tas-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE u mill-ispejjeż rilevanti li jirriżultaw minn oqsma ta’ appoġġ meħtieġa biex jiġu sodisfatti r-responsabbiltajiet superviżorji tal-BĊE, inklużi l-bini u l-faċilitajiet, l-immaniġġjar tar-riżorsi umani, is-servizzi amministrattivi, l-ibbaġitjar u l-kontroll, il-kontabilità, is-servizzi legali, ta’ komunikazzjoni u ta’ traduzzjoni, il-verifika interna, u s-servizzi tat-teknoloġija statistika u tal-informazzjoni (IT).

Għall-2020 l-ispejjeż totali attwali relatati mal-kompiti superviżorji tal-BĊE, li jiġu rkuprati permezz tat-tariffi superviżorji annwali ammontaw għal €535 miljun (2019: €537 miljun). It-tnaqqis ġenerali żgħir kien xprunat minn spejjeż aktar baxxi fir-rigward ta’ appoġġ ta’ konsulenza esterna, li jirriżultaw prinċipalment mill-finalizzazzjoni tar-Reviżjoni Mirata ta’ Mudelli Interni (TRIM), u vjaġġar fuq xogħol, minħabba razzjonalizzazzjoni sostanzjali ta’ attivitajiet superviżorji fuq il-post fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19. Dawn l-ispejjeż aktar baxxi ġew ikkumpensati l-aktar minn spejjeż ogħla tal-persunal wara t-tkabbir fin-numru medju ta’ persunal li jaħdem għas-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE.

Nota 27 - Dħul mill-ishma u l-parteċipazzjoni azzjonarja

Id-dividendi li daħlu mill-ishma li l-BĊE għandu fil-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali (BIS) (ara n-nota 7.2 “Assi finanzjarji oħra”) jidhru f’din l-intestatura. Ma tqassam l-ebda dividend fl-2020 (2019: €1 miljun) bħala l-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-BIS approvat il-proposta tal-Bord tad-Diretturi biex iżomm il-profitt kollu tal-BIS għall-perjodu 2019/2020.[51]

Nota 28 - Dħul ieħor

Dħul ieħor varju fl-2020 ġie l-aktar mill-kontribuzzjonijiet dovuti tal-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro għall-ispejjeż imġarrbin mill-BĊE fir-rigward ta’ proġetti konġunti mal-Eurosistema.

Nota 29 - Spejjeż tal-persunal

Fl-2020 l-ispejjeż tal-persunal kienu kif ġej:

1) Is-salarji u l-benefiċċji huma bbażati, essenzjalment, u paragunabbli ma’, l-iskema ta’ remunerazzjoni tal-Unjoni Ewropea.

L-għadd medju ta’ impjegati, espress bħala ekwivalenti full-time (FTEs)[52], ammonta għal 3,923 (2019: 3,770), li minnhom 356 kienu persunal maniġerjali (2019: 349)

L-ispejjeż tal-persunal żdiedu fl-2020 prinċipalment minħabba n-numru medju ogħla ta’ persunal impjegat mill-BĊE u spejjeż ogħla, b’mod partikolari bħala riżultat tal-użu ta’ rata ta’ skont aktar baxxa għall-valutazzjoni attwarja fl-aħħar ta’ 2020 (ara n-nota 13.3 “Varji”).

Remunerazzjoni għall-Bordijiet Eżekuttiv u Superviżorju
Membri tal-Bord Eżekuttiv u l-membri tal-Bord Superviżorju impjegati mill-BĊE jirċievu salarju bażiku u benefiċċji għar-residenza. Fil-każ tal-President, minflok il-benefiċċju għar-residenza tiġi provduta residenza. Membri tal-Bord Eżekuttiv u l-President tal-Bord Superviżorju jirċievu wkoll benefiċċju ta’ rappreżentanza. Bla ħsara għall-Kundizzjonijiet tal-Impjieg tal-Persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-membri taż-żewġ bordijiet huma intitolati għal benefiċċji tal-familja, tat-tfal u tal-edukazzjoni, skont iċ-ċirkostanzi individwali tagħhom. Is-salarji huma suġġetti għat-taxxa li tmur għall-benefiċċju tal-UE kif ukoll għal tnaqqis fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet għall-iskemi tal-pensjoni, tal-assigurazzjoni medika, kura fit-tul u tal-assigurazzjoni kontra l-inċidenti. Il-benefiċċji la huma taxxabbli u lanqas pensjonabbli.

Fl-2020 is-salarji bażiċi tal-membri tal-Bord Eżekuttiv u l-membri tal-Bord Superviżorju impjegati mill-BĊE (i.e. barra r-rappreżentanti tas-superviżuri nazzjonali) kienu dawn:[53]

1) Frank Elderson ħa l-kariga bħala Membru tal-Bord Eżekuttiv fil-15 ta’ Diċembru 2020; ir-remunerazzjoni tiegħu għall-bqija ta’ Diċembru se tkun inkluża fl-ispejjeż għall-2021.
2) Dan it-total jeskludi s-salarju tal-Viċi President tal-Bord Superviżorju (Sabine Lautenschläger sa Frar 2019 u Yves Mersch minn Ottubru 2019 sal-14 ta’ Diċembru 2020), li huwa rrappurtat ma’ dawk tal-membri l-oħra tal-Bord Eżekuttiv.

Il-benefiċċji totali li tħallsu lill-membri taż-żewġ bordijiet u l-kontribuzzjonijiet tal-BĊE għall-iskemi tal-assigurazzjoni medika, il-kura fit-tul u kontra l-inċidenti mħallsa f’isimhom ammontaw għal €1,201,810 (2019: €1,182,767).

Jistgħu jsiru pagamenti tranżitorji lil dawk li kienu membri taż-żewġ bordijiet għal perjodu limitat wara tmiem il-mandat tagħhom. Fl-2020 dawn il-ħlasijiet, il-benefiċċji relatati mal-familja u l-kontribuzzjonijiet tal-BĊE għall-iskemi tal-assigurazzjoni medika, kura fit-tul u kontra l-inċidenti għal dawk li kienu membri taż-żewġ bordijiet ammontaw għal €1,555,042 (2019: €864,287). Iż-żieda f’dawn il-ħlasijiet hija dovuta l-aktar għan-numru ta’ membri tal-bord li jħallu l-BĊE fl-2019 u l-2020.

Ħlasijiet tal-pensjoni, inklużi benefiċċji ta’ wara l-impjieg, u kontribuzzjonijiet għall-iskema tal-assigurazzjoni medika, kura fit-tul u kontra l-inċidenti għal eks membri tal-bord u d-dipendenti tagħhom, ammontaw għal €928,149 (2019: €1,848,157).[54]

Nota 30 - Spejjeż amministrattivi

Fl-2020 l-ispejjeż tal-persunal kienu kif ġej:

It-tnaqqis globali fl-ispejjeż amministrattivi fl-2020 kien dovut l-aktar għal spejjeż aktar baxxi għall-appoġġ estern għall-konsulenza (“Servizzi esterni”) u vjaġġar fuq xogħol (“Spejjeż oħra”), prinċipalment relatati mal-kompiti superviżorji (ara n-nota 26 “Dħul nett/nefqa mit-tariffi u l-kummissjonijiet”). Dan it-tnaqqis ġie parzjalment ikkumpensat minn spejjeż ogħla relatati mal-IT minħabba d-domanda sinifikanti għal servizzi tal-IT relatati max-xogħol mill-bogħod fl-2020 b’rabta mal-pandemija tal-COVID-19.

Nota 31 - Servizzi tal-produzzjoni tal-karti tal-flus

Din l-ispiża tirriżulta l-aktar mill-ġarr transkonfinali ta’ karti tal-euro bejn l-istamperiji tal-karti tal-flus u l-banek ċentrali nazzjonali għall-kunsinna ta’ karti tal-flus ġodda, u bejn il-banek ċentrali nazzjonali, biex jagħmlu tajjeb għan-nuqqas ta’ provvista b’ħażniet ġodda. Dawn l-ispejjeż jitħallsu ċentralment mill-BĊE.

3 Rapport tal-awditur indipendenti

Lill-President u Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew
Frankfurt am Main

Rapport dwar il-Verifika tar-Rapporti Finanzjarji 2020 tal-BĊE

Opinjoni

Aħna vverifikajna r-Rapporti Finanzjarji tal-Bank Ċentrali Ewropew għas-sena li spiċċat fil-31 ta’ Diċembru 2020 – inklużi fil-Kontijiet Annwali tal-BĊE – li jikkonsistu mill-karta tal-bilanċ, il-kont tal-profitt u t-telf, u ġabra fil-qosor tal-politika sinifikanti tal-kontabilità u noti oħra ta’ tifsir.

Fl-opinjoni tagħna, dawn ir-Rapporti Finanzjarji tal-Bank Ċentrali Ewropew jagħtu stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Bank Ċentrali Ewropew sal-31 ta’ Diċembru 2020 u tar-riżultati tal-operazzjonijiet tiegħu għas-sena li għalqet dakinhar, skont il-prinċipji stabbiliti mill-Kunsill Governattiv, li huma stabbiliti fid-Deċiżjoni (UE) 2016/2247 tal-BĊE tat-3 ta’ Novembru 2016 dwar il-kontijiet annwali tal-BĊE (BĊE/2016/35), kif emendata, li hija bbażata fuq il-Linja Gwida (UE) 2016/2249 tal-BĊE tat-3 ta’ Novembru 2016, dwar il-qafas legali għall-kontabilità u r-rapportar finanzjarju fis-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (BĊE/2016/34), kif emendata.

Bażi għall-Opinjoni

Aħna għamilna l-verifika tagħna skont l-Istandards Internazzjonali tal-Verifika (“ISAs”). Ir-responsabbiltajiet tagħna skont dawn l-istandards huma mfissrin bir-reqqa fit-taqsima Responsabbiltajiet tal-Awditur għall-Verifika tar-Rapporti Finanzjarji tar-rapport tagħna. Aħna indipendenti mill-BĊE skont ir-rekwiżiti etiċi Ġermaniżi li huma rilevanti għall-verifika tagħna tar-Rapporti Finanzjarji, li huma konsistenti mal-International Ethics Standards Board for Accountants’ Code of Ethics for Professional Accountants (il-“Kodiċi IESBA”), u ssodisfajna r-responsabbiltajiet etiċi l-oħra tagħna skont dawn ir-rekwiżiti. Aħna tal-fehma li l-evidenza tal-verifika li ksibna hija biżżejjed u xierqa biex tipprovdi bażi għall-opinjoni tagħna.

Tagħrif ieħor

Il-Bord Eżekuttiv tal-BĊE (“Bord Eżekuttiv”) huwa responsabbli għall-informazzjoni l-oħra inkluża fir-Rendikonti Annwali tal-BĊE. It-tagħrif l-ieħor jinkludi t-tagħrif inkluż fil-Kontijiet Annwali tal-BĊE ħlief għar-Rapporti Finanzjarji tal-BĊE u r-rapport tal-awditur tagħna.

L-opinjoni tagħna dwar ir-Rapporti Finanzjarji ma tkoprix it-tagħrif l-ieħor u aħna ma nesprimu ebda forma ta’ konklużjoni assigurattiva dwarhom.

Fir-rigward tal-verifika li għamilna tar-Rapporti Finanzjarji, ir-responsabbiltà tagħna hi li naqraw it-tagħrif l-ieħor u, waqt li nagħmlu dan, inqisu jekk it-tagħrif l-ieħor huwiex materjalment inkonsistenti mar-rendikonti finanzjarji jew mal-għarfien li ksibna waqt il-verifika jew jekk jidhirx b’xi mod ieħor li jkun iddikjarat b’mod falz.

Responsabbiltajiet tal-Bord Eżekuttiv u ta’ dawk inkarigati mill-Governanza għar-Rapporti Finanzjarji

Il-Bord Eżekuttiv hu responsabbli għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tar-Rapporti Finanzjarji skont il-prinċipji stabbiliti mill-Kunsill Governattiv, li huma stabbilti fid-Deċiżjoni (UE) 2016/2247 tal-BĊE tat-3 ta’ Novembru 2016 dwar il-kontijiet annwali tal-BĊE (BĊE/2016/35), kif emendata, li hija bbażata fuq il-Linja Gwida (UE) 2016/2249 tal-BĊE tat-3 ta’ Novembru 2016, dwar il-qafas legali għall-kontabilità u r-rapportar finanzjarju fis-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (BĊE/2016/34), kif emendata, u għall-kontroll intern li l-Bord Eżekuttiv iqis bħala meħtieġ biex tkun tista’ ssir it-tħejjija ta’ Rapporti Finanzjarji li jkunu ħielsa minn kull dikjarazzjoni materjali falza, kemm minħabba frodi jew żbalji.

Fit-tħejjija tar-Rapporti Finanzjarji, il-Bord Eżekuttiv hu responsabbli għall-valutazzjoni tal-kapaċità tal-Bank Ċentrali Ewropew li jkompli jopera bħala negozju avvjat, waqt li jiżvela, fejn applikabbli, kwistjonijiet relatati ma’ negozju avvjat u juża n-negozju avvjat bħala bażi tal-kontabilità.

Dawk inkarigati mill-governanza huma responsabbli għas-sorveljanza tal-proċess tar-rappurtar finanzjarju tal-BĊE.

Responsabbiltajiet tal-Awditur għall-Verifika tar-Rendikonti Finanzjarji

L-għanijiet tagħna huma li niksbu ċertezza raġonevoli fuq jekk ir-Rapporti Finanzjarji kollha humiex ħielsa minn kull dikjarazzjoni materjali falza, kemm minħabba frodi kif ukoll żbalji, u li noħorġu rapport tal-awditur li jkun fih l-opinjoni tagħna. Iċ-ċertezza raġonevoli hija livell għoli ta’ ċertezza, iżda mhijiex garanzija li verifika li ssir skont l-ISAs dejjem se tidentifika dikjarazzjoni materjali falza meta din teżisti. Id-dikjarazzjonijiet foloz jistgħu joriġinaw minn frodi jew żbalji u jitqiesu li jkunu materjali jekk, individwalment jew flimkien, ikunu mistennijin b’mod raġonevoli li jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet ekonomiċi tal-utenti li jsiru abbażi ta’ dawn ir-Rapporti Finanzjarji.

Bħala parti minn verifika skont l-ISAs, aħna neżerċitaw ġudizzju professjonali u nżommu xettiċiżmu professjonali matul l-ippjanar u twettiq kollu tal-verifika. Aħna wkoll:

  • Nidentifikaw u nivvalutaw ir-riskji ta’ kull dikjarazzjoni materjali falza tar-Rapporti Finanzjarji, kemm minħabba frodi jew żbalji, infasslu u nwettqu proċeduri tal-verifika li jwieġbu għal dawn ir-riskji, u niksbu evidenza tal-verifika li tkun biżżejjed u xierqa biex tipprovdi bażi għall-opinjoni tagħna. Ir-riskju li ma tiġix identifikata dikjarazzjoni materjali falza li tirriżulta minn frodi huwa ogħla minn waħda li tirriżulta minn żbalji, billi frodi tista’ tinvolvi kollużjoni, falsifikazzjoni, ommissjonijiet intenzjonati, rappreżentazzjonijiet ħżiena, jew it-twarrib tal-kontroll intern.
  • Naslu biex nifhmu aħjar x’inhu l-kontroll intern rilevanti għall-verifika sabiex infasslu proċeduri tal-verifika li jkunu xierqa fiċ-ċirkostanzi, iżda mhux biex nesprimu opinjoni fuq l-effikaċja tal-kontroll intern tal-BĊE.
  • Nivvalutaw kemm tkun xierqa l-politika tal-kontabilità li tintuża u kemm ikunu raġonevoli l-kalkoli tal-kontabilità u d-divulgazzjonijiet relatati li jsiru mill-maniġment.
  • Nikkonkludu fuq kemm ikun xieraq l-użu min-naħa tal-maniġment tal-bażi ta’ negozju avvjat tal-kontabilità u, abbażi tal-evidenza tal-verifika miksuba, jekk ikunx jeżisti nuqqas ta’ ċertezza materjali relatat mal-avvenimenti jew Jekk il-kundizzjonijiet li jista’ jixħet dubju sinifikanti fuq il-kapaċità tal-BĊE li jkompli bħala negozju avvjat. Jekk nikkonkludu li jeżisti nuqqas ta’ ċertezza materjali, aħna nkunu obbligati niġbdu l-attenzjoni fir-rapport tagħna tal-awditur għad-divulgazzjonijiet relatati fir-Rapporti Finanzjarji jew, jekk dawn id-divulgazzjonijiet ma jkunux adegwati, li nimmodifikaw l-opinjoni tagħna. Il-konklużjonijiet tagħna huma bażati fuq l-evidenza tal-verifika miksuba sad-data tar-rapport tagħna tal-awditur.
  • Nivvalutaw il-preżentazzjoni, l-istruttura u l-kontenut ġenerali tar-Rapporti Finanzjarji, fosthom id-divulgazzjonijiet, u jekk ir-Rapporti Finanzjarji jirrappreżentawx it-tranżazzjonijiet u l-avvenimenti bażi b’mod li jwassal għal preżentazzjoni ġusta.

Aħna obbligati nikkomunikaw ma’ dawk inkarigati mill-governanza fir-rigward ta’, fost affarijiet oħra, l-ambitu u ż-żmien ippjanat tal-verifika u l-konklużjonijiet sinifikanti tal-verifika, inklużi xi nuqqasijiet sinifikanti fil-kontroll intern li nidentifikaw matul il-verifika tagħna.

Frankfurt am Main, 10 ta’ Frar 2021

Baker Tilly GmbH & Co. KG
Wirtschaftsprüfungsgesellschaft

(Düsseldorf)

4 Nota fuq it-tqassim tal-profitt/l-allokazzjoni tat-telf

Din in-nota mhijiex parti mir-rapporti finanzjarji tal-BĊE għas-sena 2020.

Skont l-Artikolu 33 tal-Istatut tas-SEBĊ, il-profitt nett tal-BĊE għandu jiġi ttrasferit f’din l-ordni:

  1. ammont li għad irid jiġi deċiż mill-Kunsill Governattiv, li m’għandux jaqbeż 20% tal-profitt nett, għandu jiġi ttrasferit fil-fond ġenerali tar-riżervi, sa limitu ekwivalenti għal 100% tal-kapital; u
  2. il-bqija tal-profitt nett għandu jitqassam lill-azzjonisti tal-BĊE fil-proporzjon tal-ishma mħallsin tagħhom.[55]

Fil-każ ta’ telf imġarrab mill-BĊE, l-iżbilanċ jista’ jitpaċa mill-fond ġenerali tar-riżervi tal-BĊE u, jekk ikun meħtieġ, wara deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv, mid-dħul monetarju tas-sena finanzjarja rilevanti fil-proporzjon u mhux iżjed mill-ammonti allokati lill-banek ċentrali nazzjonali skont l-Artikolu 32.5 tal-Istatut tas-SEBĊ.[56]

Il-profitt nett tal-BĊE għall-2020 kien ta’ €1,643 miljun. Wara deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv, it-tqassim tal-profitt interim ta’ €1,260 miljun tħallas lill-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro fil-31 ta’ Jannar 2021. Barra minn hekk, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jqassam il-bqija tal-profitt ta’ €383 miljun lill-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro.

© Bank Ċentrali Ewropew. 2021

Indirizz postali 60640 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
Telefon +49 69 1344 0

Sit web www.ecb.europa.eu

Id-drittijiet kollha miżmumin. Ir-riproduzzjoni għal għanijiet edukattivi u mhux kummerċjali hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Għat-terminoloġija speċifka, jekk jogħġbok irreferi għall-glossarju BĊE (disponibbli bl-Ingliż biss).

PDF ISBN 978-92-899-4131-0, ISSN 2443-4760, doi:10.2866/817990, QB-BS-20-001-EN-Q

  1. F’dan id-dokument, iċ-ċifri ppreżentati jistgħu ma jammontawx b’mod preċiż għat-totali, u l-perċentwali jistgħu ma jirriflettux b’mod preċiż iċ-ċifri assoluti minħabba żieda/tnaqqis sal-eqreb ċifra sħiħa.
  2. Ir-“rapporti finanzjarji” jinkludu l-Karta tal-Bilanċ, il-Kont tal-Profitt u t-Telf u n-noti relatati. Il-“Kontijiet Annwali” jinkludu r-rapporti finanzjarji, ir-rapport amministrattiv, ir-rapport tal-awditur u n-nota dwar it-tqassim tal-profitt/l-allokazzjoni tat-telf. Aktar dettalji dwar il-proċess ta’ preparazzjoni u approvazzjoni relatati jistgħu jinstabu fuq is-sit web tal-BĊE.
  3. Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ĠU C 202, 7.6.2016, p. 47., kif emendata. Il-lista mhux uffiċjali tat-test ikkonsolidat tal-emendi tinsab hawnhekk.
  4. Il-Protokoll (Nru 4) dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 230).
  5. L-APP jikkonsisti mit-tielet programm ta’ xiri ta’ bonds garantiti (CBPP3), il-programm ta’ xiri ta’ titoli koperti b’assi (ABSPP), il-programm ta’ xiri mis-settur pubbliku (PSPP) u l-programm ta’ xiri mis-settur korporattiv (CSPP). Il-BĊE ma jakkwistax titoli fis-CSPP. Dettalji oħra fuq l-APP jinsabu fis-sit web tal-BĊE.
  6. Aktar informazzjoni dwar il-PEPP jinsabu fis-sit web tal-BĊE.
  7. Ara l-istqarrija għall-istampa tat-12 ta’ Marzu 2020 dwar id-deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv.
  8. Ara l-istqarrija għall-istampa tat-18 ta’ Marzu 2020 dwar id-deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv.
  9. Ara l-istqarrija għall-istampa tal-4 ta’ Ġunju 2020 dwar id-deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv.
  10. Ara l-istqarrija għall-istampa tal-10 ta’ Diċembru 2020 dwar id-deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv.
  11. Aktar informazzjoni dwar restrizzjonijiet tal-maturità kemm għall-APP u l-PEPP tista’ ssibha fuq is-sit web tal-BĊE.
  12. Dawn l-investimenti jikkonsistu f’assi inklużi taħt il-pożizzjonijiet tal-karta tal-bilanċ “Klejms fuq residenti barra ż-żona tal-euro denominati f’munita barranija – Bilanċi ma’ banek u investimenti f’titoli, self estern u assi esterni oħra u “Klejms fuq residenti taż-żona tal-euro denominati f’munita barranija”.
  13. L-ispejjeż imġarrba mill-BĊE fit-twettiq tal-kompiti superviżorji tiegħu jiġu rkuprati permezz ta’ tariffi annwali imposti fuq entitajiet taħt superviżjoni. Aktar dettalji dwar it-TARGET2 jinsabu fis-sit web tal-BĊE.
  14. Il-partita tal-karta tal-bilanċ “Kontijiet ta’ rivalutazzjoni” tinkludi wkoll il-kalkoli ġodda fir-rigward tal-benefiċċji ta’ wara l-impjieg.
  15. Ara l-istqarrija għall-istampa tat-30 ta’ Jannar 2020 dwar il-kapital sottoskritt tal-BĊE wara l-irtirar mill-Bank of England mis-SEBĊ.
  16. L-amortizzazzjoni toħroġ mill-prinċipju tal-kontabilità li jeħtieġ li t-titoli jiġu rivalutati ‘l fuq jew ‘l isfel maż-żmien lejn il-maturità tagħhom dejjem skont jekk inxtrawx bi skont (inqas mill-valur nominali) jew bi primjum (aktar mill-valur nominali). It-titoli tal-APP nxtraw bħala medja, bi primjum, u, konsegwentement, kollox ma’ kollox, il-valur kontabbli tal-investimenti jonqos maż-żmien.
  17. It-tariffi superviżorji huma inklużi fi “Dħul u spejjeż oħra” (Ċart 13).
  18. L-ES huwa definit bħala telf medju tal-probabbiltà peżat li jseħħ fl-agħar (1-p)% xenarji, fejn p jindika l-livell ta’ fiduċja.
  19. Aktar dettalji dwar il-metodu tal-mudelli tar-riskju jinsabu fi “The financial risk management of the Eurosystem’s monetary policy operations”, BĊE, Lulju 2015.
  20. Ir-riskju operattiv hu definit bħala r-riskju ta’ impatt negattiv finanzjarju, tan-negozju jew ta’ reputazzjoni li jirriżulta min-nies, mill-implimentazzjoni inadegwata jew mill-falliment tal-proċessi ta’ governanza interna u tan-negozju, mill-falliment tas-sistemi li minnhom jiddependu dawn il-proċessi, jew minn avvenimenti esterni (e.g. diżastri naturali jew attakki esterni).
  21. Aktar tagħrif dwar l-istruttura tal-governanza tal-BĊE jinsab fis-sit web tal-BĊE.
  22. Il-ġestjoni tar-riskju tat-twettiq kisbet dejjem aktar attenzjoni fis-settur korporattiv u pubbliku. Dan jikkumplimenta l-ġestjoni tar-riskji finanzjarji u operattivi u għall-BĊE tista’ tiġi ddefinita bħala r-riskju li jsofri dannu ta’ reputazzjoni jew dannu ieħor ikkawżat minn uffiċjali tal-BĊE ta’ livell għoli jew persunal li ma jaġixxix f’konformità mar-regoli tal-Bank dwar l-etika u l-integrità u/jew governanza tajba u standards ta’ amministrazzjoni tajba.
  23. Il-politika dettaljata tal-kontabilità tal-BĊE hi stabbilita fid-Deċiżjoni (UE) 2016/2247 tal-BĊE tat-3 ta’ Novembru 2016 dwar il-kontijiet annwali tal-BĊE (BĊE/2016/35), (ĠU L 347, 20.12.2016, p. 1), kif emendata. Il-lista mhux uffiċjali tat-test ikkonsolidat tal-emendi tinsab hawnhekk.
    Biex jiġi żgurat ir-rappurtar armonizzat tal-kontabilità u l-finanzi tal-operazzjonijiet tal-Eurosistema, id-Deċiżjoni msemmija hawn fuq hi bbażata fuq l-Linja Gwida (EU) 2016/2249 tal-BĊE tat-3 ta’ Novembru 2016 dwar il-qafas legali għall-kontabilità u r-rappurtar finanzjarju fis-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (BĊE/2016/34) (ĠU L 347, 20.12.2016, p. 37), kif emendata. Il-lista mhux uffiċjali tat-test ikkonsolidat tal-emendi tinsab hawnhekk.
    Din il-politika, li tiġi eżaminata u aġġornata regolarment skont kif jixraq, hija konsistenti mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 26.4 tal-Istatut tas-SEBĊ, li jitolbu approċċ armonizzat għar-regoli tar-rappurtar kontabilistiku u finanzjarju tal-operazzjonijiet tal-Eurosistema.
  24. Limitu minimu ta’ €100,000 japplika għad-dovuti u l-provedimenti amministrattivi.
  25. Fil-31 ta’ Diċembru 2020 il-BĊN barra ż-żona tal-euro li kienu qegħdin jipparteċipaw fit-TARGET2 kienu Българска народна банка (il-Bank Nazzjonali Bulgaru), Danmarks Nationalbank, Hrvatska narodna banka, Narodowy Bank Polski u Banca Naţională a României.
  26. Il-fondi akkumulati minn membru tal-persunal permezz tal-kontribuzzjonijiet volontarji jistgħu jintużaw biex tinxtara pensjoni supplimentari fid-data tal-irtirar. Din il-pensjoni tiġi inkluża fl-obbligu tal-benefiċċji definiti minn dak il-mument ‘il quddiem.
  27. Deċiżjoni tal-BĊE tat-13 ta’ Diċembru 2010 dwar il-ħruġ ta’ karti tal-flus tal-euro (BĊE/2010/29) (2011/67/UE) (ĠU L 35, 9.2.2011, p. 26), kif emendata. Il-lista mhux uffiċjali tat-test ikkonsolidat tal-emendi tinsab hawnhekk.
  28. “Skema tal-allokazzjoni tal-karti tal-flus” tfisser il-perċentwali li jirriżulta meta jitqies is-sehem tal-BĊE mill-ħruġ totali ta’ karti tal-euro u tiġi applikata l-iskema tal-kapital sottoskritt għas-sehem tal-banek ċentrali nazzjonali minn dak it-total.
  29. Id-Deċiżjoni (UE) 2016/2248 tal-BĊE tat-3 ta’ Novembru 2016 dwar l-allokazzjoni tad-dħul monetarju tal-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hi l-euro (BĊE/2016/36) (riformulazzjoni) (ĠU L 347, 20.12.2016, p. 26), kif emendata. Il-lista mhux uffiċjali tat-test ikkonsolidat tal-emendi tinsab hawnhekk.
  30. Deċiżjoni (UE) 2015/298 tal-BĊE tal-15 ta’ Diċembru 2014 dwar it-tqassim interim tad-dħul tal-BĊE (BĊE/2014/57), ĠU L 53, 25.2.2015, p. 24, kif emendata. Il-lista mhux uffiċjali tat-test ikkonsolidat tal-emendi tinsab hawnhekk.
  31. Ara l-Manwal tal-Eurostat dwar id-Defiċit u d-Dejn tal-Gvern, Eurostat, 2019.
  32. Dan jikkorrispondi għal 504.8 tunnellata.
  33. Dawn l-investimenti jikkonsistu f’assi li minnhom jitnaqqsu l-obbligazzjonijiet denominati fil-munita barranija partikolari li huma suġġetti għal rivalutazzjoni tal-munita barranija. Jidħlu fl-intestaturi “Klejms ma’ residenti barra ż-żona tal-euro denominati f’munita barranija”, “Klejms ma’ residenti taż-żona tal-euro denominati f’munita barranija”, “Dovuti u spejjeż imħallsin bil-quddiem u “Dovuti u dħul miġbur bil-quddiem” u jinkludu t-tranżazzjonijiet forward u swap tal-kambju li jinsabu f’partiti esklużi mill-karta tal-bilanċ. Il-qligħ fuq il-prezz ta’ strumenti finanzjarji denominati f’munita barranija li jkun ġej minn rivalutazzjonijiet mhuwiex inkluż.
  34. Aktar dettalji dwar l-operazzjonijiet ta’ likwidità f’euro tal-Eurosistema kontra kollateral eliġibbli jinsabu fis-sit web tal-BĊE.
  35. Dettalji oħra dwar l-APP jinsabu fil-sit web tal-BĊE.
  36. Dettalji oħra dwar il-PEPP jinsabu fil-sit web tal-BĊE.
  37. Aktar dettalji dwar il-kategoriji ta’ assi eliġibbli taħt PEPP jinsabu fid-Deċiżjoni (UE) 2020/440 tal-BĊE tal-24 ta’ Marzu 2020 dwar programm temporanju ta’ xiri ta’ emerġenza pandemiku (BĊE/2020/17) (ĠU L 91, 25.03.2020, p. 1) kif emendata. Il-lista mhux uffiċjali tat-test ikkonsolidat tal-emendi tinsab hawnhekk.
  38. Il-valuri tas-suq huma indikattivi u jinħadmu abbażi ta’ kwotazzjonijiet tas-suq. Meta l-kwotazzjonijiet tas-suq ma jkunux disponibbli, il-prezzijiet tas-suq jiġu kalkulati bl-użu ta’ mudelli interni tal-Eurosistema.
  39. Mis-16 ta’ Marzu 2016 ir-rata tal-imgħax użata mill-Eurosistema fl-offerti tagħha għall-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament kienet 0.00%.
  40. Dettalji oħra dwar it-TARGET2 jinsabu fis-sit web tal-BĊE.
  41. It-tranżazzjonijiet ta’ self ta’ titoli li ma jirriżultawx f’kollateral ta’ flus kontanti mhux investit fi tmiem is-sena jidħlu fil-kontijiet esklużi mill-karta tal-bilanċ (ara n-nota 17 “Programmi ta’ self ta’ titoli”).
  42. EURO1 u RT1 huma sistemi ta’ pagament imħaddma minn ABE CLEARING S.A.S à capital variable (EBA Clearing).
  43. Il-pilastru tal-benefiċċju definit tal-pjan jirrifletti biss il-kontribuzzjonijiet obbligatorji magħmula mill-BĊE u l-persunal. Il-kontribuzzjonijiet volontarji li saru mill-persunal fi struttura ta’ kontribuzzjonijiet definiti fl-2020 ammontaw għal €186 miljun (2019: €171 miljun). Dawn il-kontribuzzjonijiet jiġu investiti fl-assi tal-iskema u jwasslu għal obbligu korrispondenti b’valur ekwivalenti.
  44. L-ispiża kurrenti tas-servizz tiġi kalkulata bir-rata ta’ skont li kienet tapplika fis-sena ta’ qabel.
  45. Id-dejta statistika użata għal dan l-aġġustament ġiet notifikata lill-BĊE mill-Kummissjoni Ewropea skont ir-regoli stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2003 dwar id-data statistika li għandha tintuża għal l-aġġustament tal-formula għas-sottoskrizzjoni tal-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew (2003/517/KE) (ĠU Edizzjoni Speċjal bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 411).
  46. Il-BĊE ma jixtrix titoli fis-CSPP u għalhekk m’għandux investimenti relatati disponibbli għas-self.
  47. Jekk kollateral fi flus kontanti jibqa’ mhux investit fi tmiem is-sena, dawn it-tranżazzjonijiet jidħlu f’kontijiet inklużi fil-karti tal-bilanċ (ara n-nota 9 “Obbligazzjonijiet oħra ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu taż-żona tal-euro denominati f’euro” u n-nota 11 “Obbligazzjonijiet ma’ residenti barra ż-żona tal-euro denominati f’euro”).
  48. Fir-rigward tal-perjodu tariffarju 2020, it-tariffi superviżorji tal-BĊE jiġu kkalkulati wara l-għeluq tal-perjodu tariffarju skont ir-Regolament (UE) 2019/2155 tal-BĊE tal-5 ta’ Diċembru 2019 li jemenda r-Regolament (UE) 1163/2014 tal-BĊE tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar it-tariffi superviżorji (BĊE/2019/37) (ĠUL 327, 17.12.2019, p. 70).
  49. Ara l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (UE) Nru 1163/2014 tal-BĊE tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar it-tariffi superviżorji (BĊE/2014/41) (ĠU L 311, 31.10.2014, p. 23) kif emendat. Il-lista mhux uffiċjali tat-test ikkonsolidat tal-emendi tinsab hawnhekk.
  50. Sal-aħħar ta’ April 2021, il-Kunsill Governattiv se jadotta d-deċiżjoni tal-BĊE dwar l-ammont totali tat-tariffi superviżorji annwali għall-2020.
  51. Ara r-Rapport Annwali 2019/20, BIS.
  52. Ekwivalenti full-time (FTE) hija unità ekwivalenti għal impjegat wieħed li jaħdem full-time għal sena. Persunal b’kuntratti permanenti, fissi jew għal żmien qasir u parteċipanti fil-Programm tal-Gradwati tal-BĊE huma inklużi proporzjonalment mas-sigħat li jaħdmu. Persunal fuq leave tal-maternità jew tal-leave għal żmien twil hu inkluż wkoll, waqt li persunal fuq il-leave mhux imħallas hu eskluż.
  53. L-ammonti huma moghtija gross, i.e. qabel it-tnaqqis ta’ taxxi għall-benefiċċju tal-UE.
  54. Għall-ammont nett li għandu jitħallas mill-Kont tal-Profitt u t-Telf fir-rigward tal-arranġamenti tal-pensjoni għall-membri attwali tal-Bord Eżekuttiv u l-membri attwali tal-Bord Superviżorju impjegati mill-BĊE ara n-nota 13.3, “Varji”.
  55. Il-BĊN barra ż-żona tal-euro ma huma intitolati jirċievu ebda sehem mill-profitti tal-BĊE li jista’ jitqassam u lanqas ma huma obbligati jagħmlu tajjeb għal xi telf tal-BĊE.
  56. Skont l-Artikolu 32.5 tal-Istatut tas-SEBĊ, is-somma tad-dħul monetarju tal-BĊN għandha tiġi allokata lill-BĊN fil-proporzjon tal-ishma mħallsin tagħhom fil-kapital tal-BĊE.