Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Rendikonti finanzjarji tal-BĊE għall-2017

22 ta’ Frar 2018
  • Il-qligħ tal-BĊE żdied bi €0.1 biljun għal €1.3 biljun fl-2017 (2016: €1.2 biljun) u tqassam kollu lill-banek ċentrali nazzjonali
  • Dħul nett mill-imgħax fuq titoli miżmuma għall-għanijiet tal-politika monetarja: €1.1 biljun (2016: €1.0 biljun).
  • Il-Karta tal-Bilanċ tal-BĊE żdiedet għal €414 biljun (2016: €349 biljun).

Ir-rendikonti finanzjarji verifikati tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-2017 juru li l-qligħ nett żdied bi €82 miljun, għal €1,275 miljun, l-aktar minħabba żieda fid-dħul nett mill-imgħax mill-portafoll tad-dollari Amerikani u l-portafoll tal-programm ta' xiri ta' assi (APP).

Id-dħul nett mill-imgħax kien ta’ €1,812 miljun fl-2017 (2016: €1,648 miljun). Id-dħul nett mill-imgħax fuq l-assi f’riżervi barranin żdied għal €534 miljun (2016: €370 miljun) minħabba ż-żieda fid-dħul mill-imgħax iġġenerat mill-portafoll tad-dollaru Amerikan. Id-dħul nett mill-imgħax mill-programm APP żdied b’€140 miljun għal €575 miljun minħabba l-akkwist kontinwu ta’ titoli f’dan il-programm. Min-naħa l-oħra, minħabba l-fidi, id-dħul nett mill-imgħax iġġenerat mill-Programm tas-Swieq tat-Titoli (SMP) naqas għal €447 miljun (2016: €520 miljun). Id-dħul tal-BĊE mill-imgħax fuq l-investimenti fl-SMP f’bonds tal-gvern Grieg ammonta għal €154 miljun (2016: €185 miljun).

Il-qligħ realizzat mill-operazzjonijiet finanzjarji naqas għal €161 miljun (2016: €225 miljun). It-tnaqqis fil-qligħ nett realizzat kien dovut l-aktar għal qligħ iżjed baxx fuq il-prezzijiet tat-titoli denominati f'dollari Amerikani.

Il-valutazzjoni negattiva kienet ta’ €105 miljun (2016: €148 miljun), l-iżjed minħabba tnaqqis fil-valur tas-suq ta' għadd ta' titoli miżmuma fil-portafoll tad-dollaru Amerikan flimkien ma' żieda fir-redditi rilevanti.

Isiru testijiet tal-indeboliment fuq it-tioli miżmuma mill-BĊE fil-portafolli tiegħu tal-politika monetarja, li jiġu valutati b'kost amortizzat (soġġetti għal indeboliment). Abbażi tar-riżultati ta' dawn it-testijiet, ma ġie reġistrat ebda telf minn indeboliment għal dawn il-portafolli.

It-tariffi imposti fuq l-entitajiet taħt superviżjoni ammontaw għal €437 miljun (2016: €382 miljun). Dawn it-tariffi jiġu imposti biex jiġu rkuprati l-ispejjeż imġarrba mill-BĊE fil-qadi tal-kompiti superviżorji tiegħu. Iż-żieda fl-2017 hi relatata b'mod predominanti ma' xogħol assoċjat mal-analiżi speċifika tal-mudelli interni (TRIM) u żieda fl-għadd ta' staff tal-BĊE li jaħdmu fis-superviżjoni bankarja.

L-ispiża totali tal-istaff u spejjeż amministrattivi oħra żdiedu għal €535 miljun (2016: €467 miljun) u €539 miljun (2016: €487 miljun) rispettivament, l-iżjed minħabba ż-żieda fl-ispejjeż relatati mal-kompiti superviżorji tal-BĊE.

Il-qligħ nett tal-BĊE jitqassam lill-banek ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro (BĊN). Il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jqassam qligħ interim ta’ €988 miljun lill-BĊN taż-żona tal-euro fil-31 ta’ Jannar 2018. Fil-laqgħa tal-bieraħ, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jqassam il-bqija tal-qligħ, ta’ €287 miljun, fit-23 ta’ Frar 2018.

Id-daqs totali tal-Karta tal-Bilanċ tal-BĊE żdied bi 19% għal €414 biljun (2016: €349 biljun). Din iż-żieda kienet dovuta kważi esklussivament għat-titoli mixtrija fil-programm APP.

Ix-xiri kontinwu ta' titoli fil-programm APP wassal għal żieda fil-karta tal-bilanċ konsolidata tal-Eurosistema, li żdiedet bi 22% għal €4,472 biljun (2016: €3,661 biljun). L-investimenti tal-Eurosistema f’titoli miżmumin għall-għanijiet tal-politika monetarja żdiedu bi €732 biljun għal €2,386 biljun (2016: €1,654 biljun). L-investimenti fl-APP żdiedu bi €754 biljun għal €2,286 biljun, waqt li t-titoli miżmuma fl-ewwel żewġ programmi ta’ xiri ta’ bonds garantiti u fl-SMP naqsu bi €9 biljun u €13-il biljun rispettivament minħabba l-fidi.

Għal mistoqsijiet min-naħa tal-midja, jekk jogħġbok ikkuntattja lil Stefan Ruhkamp, tel.: +49 69 1344 5057.

Noti:

  1. Il-politika tal-kontabilità tal-BĊE u l-Eurosistema: Il-politika tal-kontabilità komuni ġiet stabbilita mill-Kunsill Governattiv għall-Eurosistema, inkluż il-BĊE, skont l-Artikolu 26.4 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (Statut tas-SEBĊ), u ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għalkemm hi bażata b’mod ġenerali fuq il-prattika tal-kontabilità aċċettata b’mod internazzjonali, din il-politika tfasslet speċjalment għaċ-ċirkostanzi uniċi tal-banek ċentrali tal-Eurosistema. Tingħata prominenza partikolari lill-prinċipju tal-prudenza minħabba li l-biċċa l-kbira tal-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom skoperturi kbar għar-riskju tal-kambju barrani. Din il-prattika prudenti tapplika b’mod partikolari għat-trattament differenti tal-qligħ u t-telf mhux realizzat għall-għan tar-rikonoxximent tad-dħul, u għall-projbizzjoni fuq l-innettjar tat-telf mhux realizzat fuq wieħed mill-assi kontra l-qligħ mhux realizzat fuq ieħor. Il-qligħ mhux realizzat jiġi trasferit fil-kontijiet ta’ rivalutazzjoni. It-telf mhux realizzat li jaqbeż il-bilanċi relatati tal-kontijiet ta’ rivalutazzjoni jitqies bħala spiża fi tmiem is-sena. It-telf minn indeboliment jgħaddi kollu kemm hu fil-kont tal-qligħ u t-telf. Bħala parti mill-Eurosistema, il-BĊN kollha taż-żona tal-euro jridu jimxu ma’ din il-politika biex jirrappurtaw l-operazzjonijiet tagħhom li huma inklużi fir-rapporti finanzjarji konsolidati ta’ kull ġimgħa u fil-karta tal-bilanċ annwali konsolidata tal-Eurosistema. Barra minn hekk, il-banek ċentrali nazzjonali japplikaw b’mod ġenerali l-istess politika tal-BĊE meta jħejju r-rendikonti finanzjarji annwali tagħhom.
  2. It-titoli li bħalissa huma miżmumin għall-għanijiet tal-politika monetarja jidħlu fil-kontijiet b’kost amortizzat (soġġett għal indeboliment).
  3. Titoli negozjabbli, minbarra titoli miżmumin għall-għanijiet tal-politika monetarja, jiġu rivalutati bil-prezzijiet tas-suq.
  4. Id-deheb u l-assi u l-obbligazzjonijiet l-oħra kollha denominati f’munita barranija inklużi fil-karta tal-bilanċ u dawk esklużi mill-karta tal-bilanċ jiġu konvertiti f’euro bir-rata tal-kambju prevalenti fi tmiem is-sena.
  5. Tqassim tal-qligħ/allokazzjoni tat-telf: Skont l-Artikolu 33 tal-Istatut tas-SEBĊ, sa 20% tal-qligħ nett ta’ kwalunkwe sena jista’ jiġi trasferit fil-fond ġenerali tar-riżervi sa limitu li jkun ekwivalenti għal 100% tal-kapital tal-BĊE. Il-bqija tal-qligħ nett għandha titqassam lill-BĊN taż-żona tal-euro fil-proporzjon tal-ishma mħallsin tagħhom.
  6. Fil-każ li l-BĊE jġarrab telf, l-iżbilanċ jista’ jitpatta (a) mill-provediment ġenerali tar-riskju u mill-fond ġenerali tar-riżervi tal-BĊE; u (b) mid-dħul monetarju għas-sena finanzjarja rilevanti, wara deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv. Fl-aħħar, kwalunkwe telf nett li jibqa’ jista’ jidher fil-Karta tal-Bilanċ bħala telf li jittella’ u jitpatta minn kwalunkwe dħul nett li jidħol fis-sena(snin) ta’ wara.
  7. Investimenti tal-Eurosistema fil-programm SMP: It-tabella ta’ hawn taħt turi t-tqassim skont il-pajjiżi emittenti tal-ammonti pendenti tal-investimenti tal-Eurosistema fil-programm SMP fil-31 ta’ Diċembru 2017.

Investimenti totali tal-Eurosistema fl-SMP skont il-pajjiż emittenti fid-data tal-31 ta' Diċembru 2017

Pajjiż emittenti

Ammont nominali

(EUR biljuni)

Valur deprezzat[1]

(EUR biljuni)

Medja tal-maturità li baqa'

(snin)

Irlanda

7.3

7.2

2.3

Greċja

9.5

8.9

2.8

Spanja

17.3

17.3

2.3

Italja

49.5

48.7

2.2

Portugall

7.3

7.1

2.0

Total[2]

91.0

89.1

2.3

[1] L-investimenti fl-SMP jiġu vvalutati b’kost amortizzat.

[2] It-totali jistgħu ma jaqblux minħabba t-tqarrib sa ċifra sħiħa.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja