Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Mistoqsijiet u tweġibiet fuq ir-reviżjoni tal-istrateġija

Aġġornat l-aħħar fit-8 ta’ Lulju 2021 biex jirrifletti l-konklużjoni tar-reviżjoni tal-istrateġija.

Xi tkun ir-reviżjoni tal-istrateġija?

Kull ekonomija teħtieġ munita sigura u stabbli. Il-kompitu ewlieni tal-BĊE, bħala l-bank ċentrali għall-euro, huwa li jżomm is-saħħa tal-euro u l-istabbiltà tal-prezzijiet fiż-żona tal-euro.

Biex niżguraw li l-istrateġija tagħna tkun tajba għall-iskop u tgħinna nwettqu l-mandat tagħna li nżommu l-prezzijiet stabbli, aħna rrevedejna l-istrateġija tagħna flimkien mad-19-il bank ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro. Ir-reviżjoni ma kinitx dwar dak li nagħmlu imma kif nagħmluh.

Ħarisna lejn:

  • x’nifhmu preċiżament bi “stabbiltà tal-prezzijiet”, jiġifieri, għal liema rata ta’ inflazzjoni għandna nimmiraw;
  • il-mod kif nanalizzaw l-ekonomija, biex niżguraw li naraw riskji għall-istabbiltà tal-prezzijiet fi żmien xieraq u nifhmu kif id-deċiżjonijiet tagħna jaffettwaw partijiet interessati bħall-konsumaturi, kumpaniji, swieq u banek;
  • kif kwistjonijiet bħall-impjiegi, l-inklużjoni soċjali, it-tibdil fil-klima u l-istabbiltà finanzjarja huma relevanti wkoll waqt li nsegwu l-mandat tagħna;
  • l-istrumenti tal-politika monetarja li nużaw, inklużi r-rati tal-imgħax u x-xiri tal-assi;
  • il-mod kif nikkonnettjaw u nikkomunikaw miegħek, għax l-euro huwa ġid pubbliku u rridu liċ-ċittadini kollha jifhmu l-missjoni u d-deċiżjonijiet tagħna.

Għaliex saret ir-reviżjoni tal-istrateġija tal-BĊE?

Nedejna r-reviżjoni tal-istrateġija fit-23 ta’ Jannar 2020. Ippreżentajna r-riżultat fit-8 ta’ Lulju 2021.

Paġna ċentrali tar-reviżjoni tal-istrateġija

L-ewwel nett, il-BĊE għaliex irreveda l-istrateġija tiegħu?

Mill-aħħar reviżjoni tal-istrateġija tagħna fl-2003 rajna bidliet fundamentali fl-ekonomija. It-tkabbir li qed jonqos u l-wirt tal-kriżi finanzjarja baxxew ir-rati tal-imgħax, u għamluha aktar diffiċli għall-BĊE u banek ċentrali oħra biex itaffu l-politika monetarja meta t-tkabbir ekonomiku jkun kajman. B’riżultat ta’ dan, is-sett ta’ strumenti tagħna espanda. Żviluppi bħall-globalizzazzjoni, id-diġitalizzazzjoni, popolazzjoni li dejjem qed tixjieħ u t-tibdil fil-klima wkoll joħolqu sfidi ġodda għall-ekonomija. Irridu nagħmlu l-istrateġija tal-politika monetarja tagħna kemm jista’ jkun effettiva f’dan l-ambjent ta’ sfida u li qed jinbidel - kemm illum kif ukoll fil-futur

Kien hemm xi ftit kwistjonijiet li ġiegħluna nibdew reviżjoni fl-2020.

Rati tal-imgħax baxxi storiċi.

Ir-rati huma baxxi għal diversi raġunijiet: il-pass li bih l-ekonomiji qed jikbru maż-żmien qed jonqos, il-produttività (kemm naħdmu b’mod effiċjenti) f’ħafna ekonomiji avvanzati qed tikber aktar bil-mod u l-popolazzjoni qed tixjieħ. It-tnaqqis fil-produttività u popolazzjoni attiva li qed tonqos inaqqsu r-rati tal-imgħax. Popolazzjoni li qed tixjieħ tfaddal aktar flus, li jimbotta r-rati tal-imgħax aktar 'l isfel.

Limiti għal kemm jitbaxxew r-rati tal-imgħax.

Tradizzjonalment, il-banek ċentrali jgħollu r-rati tal-imgħax meta l-inflazzjoni tkun għolja wisq. Meta l-inflazzjoni tkun baxxa wisq ir-rati tal-imgħax jitbaxxew biex isostnu l-attività ekonomika. Ir-rati tal-imgħax kurrenti huma qrib iż-żero jew saħansitra negattivi, u jagħmluha iktar diffiċli għall-BĊE u banek ċentrali oħra li jbaxxu r-rati bil-mod tipiku matul perjodi ta’ tkabbir kajman u inflazzjoni baxxa. Strumenti ġodda – miżuri ta’ politika monetarja mhux standard bħall-programmi ta’ xiri ta’ assi – ġew stabbiliti biex jirrispondu għal dawn il-limiti u jiżguraw l-istabbiltà tal-prezzijiet.

Bidla fil-klima, globalizzazzjoni kontinwa, diġitalizzazzjoni rapida u strutturi finanzjarji li qed jinbidlu.

Dawn ix-xejriet jista’ jkollhom effetti mhux mistennija fuq id-dinja, fuq il-mod kif taħdem l-ekonomija, u hekk ukoll fuq il-politika monetarja tagħna.

L-Ewropej kif setgħu jipprovdu l-kontribut tagħhom?

Bħala parti mir-reviżjoni tal-istrateġija smajna l-veduti minn firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati. Ridna nifhmu aħjar l-aspettattivi u t-tħassib tan-nies biex insibu l-aħjar mod biex inwettqu l-mandat tagħna ta’ stabbiltà fil-prezzijiet.

L-Ewropej kellhom iċ-ċans jaqsmu l-kontribut tagħhom permezz tal-Portal Il-BĊE Jisma’ sal-aħħar ta’ Ottubru 2020.

Il-BĊE Jisma’ – Rapport fil-qosor tar-risposti fil-Portal il-BĊE Jisma’

Aħna fil-BĊE u l-kollegi tagħna mill-banek ċentrali nazzjonali ospitajna serje ta’ konferenzi u workshops madwar iż-żona tal-euro. Ridna nisimgħu mingħand kulħadd, inkluż il-pubbliku ġenerali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

Qed nippjanaw li nkomplu b'avvenimenti ta’ smigħ bħal dawn fil-pajjiżi kollha taż-żona tal-euro.

Il-BĊE Jisma’ – Rapport fil-qosor tar-reviżjoni ta’ nofs it-terminu Aktar tagħrif dwar l-avvenimenti nazzjonali tas-smigħ

Qsamt r-rispons tiegħek li rċevejt mill-eżerċizzji tas-smigħ tiegħek waqt ir-reviżjoni?

Iva. Aħna nippubblikajna sommarji tal-kummenti li rċevejna mill-eżerċizzji ta’ smigħ tagħna fuq il-kanali diġitali kollha tagħna.

Il-BĊE Jisma’ – Sommarju tar-rapport fil-qosor tar-risposti tal-Portal Il-BĊE Jisma’ Il-BĊE Jisma’ – Rapport fil-qosor tar-reviżjoni ta’ nofs it-terminu

Għaliex tgħidu li “mhux dwar dak li nagħmlu imma kif nagħmluh”?

L-għan tagħna huwa stabbilit fit-trattati tal-UE. Għalhekk ir-reviżjoni tagħna kopriet l-aspetti kollha tal-istrateġija tal-politika monetarja tagħna, billi tieħu l-mandat tagħna bħala bażi. Ersaqna lejn dan l-eżerċizzju b’moħħ miftuħ.

Trattati UE

Ir-reviżjoni tal-istrateġija bidlet ukoll kif jiġu ssorveljati l-banek?

Din ir-reviżjoni tal-istrateġija kopriet aspetti differenti tal-politika monetarja tagħna u ma tinkludix ir-rwol tal-BĊE fis-superviżjoni bankarja. Il-mod kif nissorveljaw il-banek huwa indipendenti minn kif immexxu l-politika monetarja.

Superviżjoni bankarja

Din kienet l-ewwel reviżjoni ta’ strateġija li l-BĊE qatt wettaq?

L-istrateġija inizjali tal-politika monetarja tal-BĊE ġiet stabbilita fl-1998, is-sena li l-BĊE beda x-xogħol tiegħu. Ivvalutajna u kkjarifikajna din l-istrateġija fl-2003.

Banek ċentrali oħrajn jirrivedu l-istrateġiji tagħom?

Iva, banek ċentrali oħra jwettqu wkoll reviżjonijiet tal-istrateġija. Pereżempju, is-Sistema tar-Riżerva Federali fl-Istati Uniti temmet reviżjoni fl-2020. Fir-Renju Unit, il-Bank of England ħabbar proċess ta’ reviżjoni ta’ sena f’Jannar 2020. Il-Bank tal-Kanada jwettaq reviżjoni tal-mira tiegħu tal-inflazzjoni kull ħames snin.

REVIŻJONI TAL-ISTRATEĠIJA
Trid aktar informazzjoni?