- STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA
Deċiżjonijiet tal-politika monetarja
6 ta’ Marzu 2025
Il-Kunsill Governattiv illum iddeċieda li jnaqqas it-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE b’25 punt bażi. B’mod partikolari, id-deċiżjoni li titnaqqas ir-rata tal-faċilità tad-depożitu – ir-rata li permezz tagħha l-Kunsill Governattiv jidderieġi l-pożizzjoni tal-politika monetarja – hija bbażata fuq il-valutazzjoni aġġornata tiegħu tal-prospettiva tal-inflazzjoni, id-dinamiċi tal-inflazzjoni sottostanti u s-saħħa tat-trażmissjoni tal-politika monetarja.
Il-proċess ta’ disinflazzjoni miexi sew kif ippjanat. L-inflazzjoni kompliet tiżviluppa b’mod wiesgħa hekk kif kien qed jistenna l-persunal, u l-aktar tbassir reċenti jallinja mill-qrib mal-perspettiva tal-inflazzjoni preċedenti. Issa, il-persunal qed jara li l-inflazzjoni komplessiva se tilħaq medja ta’ 2.3 % fl-2025, 1.9 % fl-2026 u 2.0 % fl-2027. Ir-reviżjoni ‘l fuq fl-inflazzjoni komplessiva għall-2025 tirrifletti dinamiċi aktar b’saħħithom fil-prezz tal-enerġija. Għall-inflazzjoni li teskludi l-enerġija u l-ikel, il-persunal ibassar medja ta’ 2.2 % fl-2025, 2.0 % fl-2026 u 1.9 % fl-2027.
Il-biċċa l-kbira tal-miżuri tal-inflazzjoni sottostanti jissuġġerixxu li l-inflazzjoni se tistabbilizza ruħha għal madwar il-mira tal-Kunsill Governattiv ta’ 2 % fuq perjodu ta’ żmien medju fuq bażi sostnuta. L-inflazzjoni domestika tibqa’ għolja, l-aktar minħabba li l-pagi u l-prezzijiet f’ċerti setturi għadhom qed jaġġustaw ruħhom għaż-żieda f’daqqa fil-passat fl-inflazzjoni b’dewmien sostanzjali. Madankollu, iż-żieda fil-pagi qiegħda timmodera kif mistenni, u l-profitti qegħdin itaffu parzjalment l-impatt fuq l-inflazzjoni.
Il-politika monetarja qiegħda ssir dejjem iktar ferm inqas restrittiva, hekk kif it-tnaqqis fir-rata tal-imgħax qiegħed jagħmel it-teħid b’self ferm inqas għali għad-ditti u għall-unitajiet domestiċi u t-tkabbir tal-għoti b’self qed jiżdied. Fl-istess ħin, xprunatura għall-għemil tal-kundizzjonijiet finanzjarji inqas stretti ġejja minn żidiet f’daqqa fir-rati tal-imgħax tal-passat li għadhom jittrasmettu għall-istokk tal-kreditu, u l-għoti b’self jibqa’ mrażżan b’mod ġenerali. L-ekonomija tiffaċċja sfidi kontinwati u l-persunal naqqas mill-ġdid it-tbassir tat-tkabbir tiegħu – għal 0.9% għall-2025, 1.2% għall-2026 u 1.3% għall-2027. Ir-reviżjonijiet ‘l isfel għall-2025 u għall-2026 jirriflettu inqas esportazzjonijiet u dgħjufijiet kostanti fl-investiment, li parti minn dan joriġina minn politika kummerċjali inċerta ħafna kif ukoll minn inċertezza usa’ fil-politika. Introjtu reali li qed jiżdied u l-effetti li qed jgħibu gradwalment ta’ żidiet fir-rati fil-passat jibqgħu l-ixprunaturi ewlenin li jirfdu l-irkupru mistenni maż-żmien.
Il-Kunsill Governattiv huwa ddeterminat li jiżgura li l-inflazzjoni tistabbilizza b’mod sostennibbli għall-mira tagħha fuq perjodu ta’ żmien medju ta’ 2 %. B’mod speċjali fil-kundizzjonijiet attwali ta’ inċertezza li qed tiżdied, se jsegwi approċċ dipendenti fuq id-data u laqgħa-laqgħa biex jiddetermina l-pożizzjoni tal-politika monetarja x-xierqa. B’mod partikolari, id-deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv dwar ir-rati tal-imgħax se jkunu bbażati fuq il-valutazzjoni tiegħu tal-prospetti tal-inflazzjoni fid-dawl tad-data ekonomika u finanzjarja li tidħol, id-dinamiċi tal-inflazzjoni sottostanti, u s-saħħa tat-trażmissjoni tal-politika monetarja. Il-Kunsill Governattiv mhuwiex qed jimpenja ruħu minn qabel f’xi direzzjoni partikolari għar-rati.
Rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE
Il-Kunsill Governattiv illum iddeċieda li jnaqqas it-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE b’25 punt bażi. Għaldaqstant, ir-rati tal- imgħax fuq il-faċilità tad-depożitu, l-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament u l-faċilità tas-self marġinali se jonqsu għal 2.50 %, 2.65 % u 2.90 % rispettivament, b’effett mit-12 ta’ Marzu 2025.
Il-Programm ta’ xiri ta’ assi (APP) u l-Programm ta’ xiri għall-emerġenza pandemika (PEPP)
Il-portafoll tal-APP u tal-PEPP qed jonqsu b’ritmu meqjus u prevedibbli, hekk kif l-Eurosistema mhux qed tkompli tinvesti mill-ġdid il-pagamenti prinċipali mit-titoli li jimmaturaw.
***
Il-Kunsill Governattiv huwa lest li jaġġusta l-istrumenti kollha tiegħu fi ħdan il-mandat tiegħu biex jiżgura li l-inflazzjoni tistabbilizza b’mod sostenibbli għall-mira tagħha ta’ 2 % fuq perjodu ta’ żmien medju u li jippreżerva l-funzjonament bla xkiel tat-trażmissjoni tal-politika monetarja. Barra minn hekk, l-Istrument ta’ Protezzjoni tat-Trasmissjoni huwa disponibbli biex jiġġieled dinamiċi tas-suq li jħarbtu u mhux mixtieqa, li joħolqu theddida serja għat-trasmissjoni tal-politika monetarja fost il-pajjiżi kollha taż-żona tal-euro, b’hekk il-Kunsill Governattiv ikun jista’ jikseb riżultati b’mod aktar effettiv fuq il-mandat tiegħu tal-istabbiltà tal-prezzijiet.
Il-President tal-BĊE se jagħti l-fehmiet tiegħu fuq ir-raġunijiet li wasslu għal dawn id-deċiżjonijiet f’konferenza stampa li tibda fit-14:45 CET illum.
Għall-kliem eżatt miftiehem mill-Kunsill Governattiv, jekk jogħġbok ara l-verżjoni bl-Ingliż.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja