- STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA
BĊE jinnomina lil Andrea Enria bħala President tal-Bord Superviżorju
7 ta’ Novembru 2018
- Proposta tal-Kunsill Governattiv għal kap ġdid tas-Superviżjoni Bankarja tal-BĊE mibgħuta lill-Parlament Ewropew
- L-approvazzjoni finali wara l-vot parlamentari għandha tingħata mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew illum innomina lil Andrea Enria bħala l-President il-ġdid tal-Bord Superviżorju. Huwa ntgħażel minn lista finali ta’ kandidati kkompilata mill-Kunsill Governattiv fil-26 ta’ Settembru.
Il-BĊE llum informa lill-President tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (ECON) tal-Parlament Ewropew Roberto Gualtieri, dwar id-deċiżjoni tiegħu, f'konformità mal-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-BĊE u l-Parlament Ewropew. Il-BĊE informa wkoll lill-President tal-Kunsill għall-Affarijiet Enonomiċi u Finanzjarji, Hartwig Löger.
Is-sur Enria ser jiġi mistieden mill-Kumitat ECON għal seduta pubblika. Andrea Enria (57) bħalissa huwa l-President tal-Awtorità Bankarja Ewropea.
Jekk jiġi approvat mill-Parlament u kkonfermat mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, is-sur Enria ser jilħaq minflok Danièle Nouy bħala President tal-Bord Superviżorju fl-1 ta’ Jannar 2019. Il-President jinħatar jew tinħatar għal perijodu li ma jiġġeddidx ta’ ħames snin.
Għal mistoqsijiet min-naħa tal-midja, jekk jogħġbok ikkuntattja lil Peter Ehrlich, tel.: +49 69 1344 8320.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja