- Bi tħejjija għall-preżentazzjoni tal-karta l-ġdida tal-€10 fit-23 ta’ Settembru 2014, tliet miljun ħanut u negozju żgħir mifruxin fiż-żona tal-euro se jirċievu fuljetti b’tagħrif kif ukoll motion cards dwar l-€10 il-ġdida
- Il-fuljett iħeġġeġ lill-ħwienet u n-negozji żgħar biex ikunu żguri li l-apparat tagħhom li jimmaniġġa u jivverifika l-karti tal-flus ikun adattat biex jaċċetta l-€10 il-ġdida
Il-karta l-ġdida tal-€10 tas-sensiela Europa se toħroġ fit-23 ta’ Settembru 2014. Sabiex dawk li jużaw il-flus kontanti f’xogħolhom isiru midħla mad-dehra tal-karta l-ġdida u mal-karatteristiċi ta’ sigurtà tagħha u jkunu jistgħu jgħaddu dan it-tagħrif lill-klijenti tagħhom, f’Ġunju l-Eurosistema se tibgħat fuljetti lil aktar minn 3 miljun ħanut u negozju żgħir mifruxin fiż-żona tal-euro.
Il-fuljett jgħarraf lill-professjonisti li jimmaniġġaw il-flus bl-iskeda ta’ żmien sal-preżentazzjoni u bil-passi li għandhom jieħdu biex jadattaw l-apparat tagħhom għall-karta l-ġdida tal-€10. Ifakkarhom ukoll kemm hija ħaġa ħafifa tivverifika l-karti tal-flus manwalment, bl-użu tal-metodu ĦOSS−ĦARES−MEJJEL.
Id-Direttur tal-BĊE għall-Karti tal-flus Ton Roos qal, “Qegħdin nagħmlu dan l-eżerċizzju mifrux biex inkunu żguri li t-tagħrif jilħaq lill-akbar għadd possibbli ta’ professjonisti li jimmaniġġaw il-flus fil-pajjiżi kollha taż-żona tal-euro, sabiex ikunu lesti għall-karta l-ġdida tal-flus”.
It-tqassim tal-fuljett fil-Finlandja u l-Estonja beda llum u għandu jilħaq il-pajjiżi kollha taż-żona tal-euro sal-aħħar ta’ Ġunju. Kopji oħra ta’ dan il-fuljett jistgħu jiġu ordnati mill-websajt www.karti-godda-tal-flus.eu.
Għal iżjed tagħrif jekk jogħġbok ċempel lil Elodie Nowodazkij, tel.: +49 69 1344 7390.