X'inhuma l-pagamenti istantanji?
Aġġornat l-aħħar fl-24 ta’ Lulju 2025 (ippubblikat għall-ewwel darba fis-26 ta’ Settembru 2016)
Qegħdin ngħixu f’dinja ta’ messaġġi istantanji – iżda biex jgħaddi pagament elettroniku fl-UE, dan jista’ jieħu sa ġurnata sħiħa tax-xogħol. U jekk nagħmlu pagament elettroniku fi tmiem il-ġimgħa jew fi btala pubblika, dan jista' lanqas biss jibda l-vjaġġ tiegħu lejn ir-riċevitur qabel il-jum tax-xogħol li jkun imiss.
Bil-ħlasijiet istantanji, il-flus ittrasferiti jkunu disponibbli f'sekondi fil-kont tar-riċevitur, 24 siegħa kuljum, 365 jum fis-sena. Il-fornituri Ewropej tas-servizzi ta’ pagament qablu fuq sett komuni ta' regoli u standards biex isiru pagamenti istantanji, imsejħa l-Iskema ta' Trasferiment ta' Kreditu Instantanju tas-SEPA.
X’inhi s-SEPA?
SEPA tfisser Single Euro Payments Area (Żona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro). U x’inhu l-għan tas-SEPA? Li kulħadd ikun jista’ jagħmel pagamenti bl-euro lil kwalunkwe persuna/entità u kullimkien fl-Ewropea, b’mod li jkun faċli, sigur u effiċjenti daqs li kieku jsir fil-pajjiżi tagħna stess, kemm b’debitar dirett, b’kard jew bi trasferiment ta’ kreditu (istantanju).
Niżguraw l-istess kundizzjonijiet għal kulħadd għall-pagamenti istantanji
Għalkemm l-użu tal-pagamenti istantanji ilu jikber b’mod kontinwu, mhux kulħadd fl-Ewropa kellu aċċess ugwali għall-pagamenti istantanji. Dan inbidel bir-Regolament dwar il-Pagamenti Istantanji. Il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament fl-UE li joffru trasferimenti ta’ kreditu “regolari” bl-euro issa huma meħtieġa wkoll li joffru l-opzjoni li jintbagħtu u jiġu riċevuti pagamenti istantanji bl-euro.
Skont din il-leġiżlazzjoni, it-tariffi applikati għall-pagamenti istantanji ma jistgħux ikunu ogħla minn dawk li huma diġà applikati għal trasferimenti ta’ kreditu regolari bl-istess karatteristiċi u mibgħuta permezz tal-istess kanal. Ir-rekwiżiti ddaħħlu fis-seħħ sabiex jiġi żgurat li l-pagamenti istantanji jkunu disponibbli b’mod wiesa’ kemm għall-konsumaturi kif ukoll għan-negozji.
X’inhuma l-benefiċċji tal-pagamenti istantanji?
Bil-pagamenti istantanji, tista' tibgħat u tirċievi pagamenti elettroniċi bl-euro f'kull ħin u kullimkien. F’xi pajjiżi, tista’ diġà tibgħat pagamenti istantanji permezz tal-mowbajl tiegħek, b’esperjenza li tixbah il-ħlasijiet bil-flus kontanti f'dak li jirrigwarda l-ħeffa u l-konvenjenza. Għalhekk, kemm jekk tkun ħriġt mal-ħbieb u tkun qed taqsam kont għall-ikel jew tkun qed issellef il-flus lil xi ħadd minnhom għal dik il-lejla, xorta waħda s-sistema hija veloċi u faċli. Madankollu, il-biċċa l-kbira ta’ dawn is-soluzzjonijiet jaħdmu biss fi ħdan il-fruntieri nazzjonali u ma jistgħux jintużaw biex isiru pagamenti lil utenti f’pajjiżi oħrajn.
Fil-kummerċ elettroniku, il-pagamenti istantanji jistgħu jeliminaw ir-riskju tal-bejjiegħ li ma jitħallasx, peress li l-pagament jiġi riċevut qabel ma jintbagħtu l-prodotti. Għal ħlasijiet minn negozju għal negozju, il-ħlasijiet istantanji jistgħu jtejbu l-likwidità, jagħmluha iktar faċli biex jiġu amministrati l-flus, inaqqsu l-ħlasijiet tardivi u jħaffu r-rikonċiljazzjoni tal-fatturi. Il-pagamenti istantanji jipprovdu pjattaforma għal innovazzjoni ulterjuri kemm mill-fornituri tas-servizzi ta' pagament kif ukoll min-negozji, u jipprovdu wkoll effiċjenza operazzjonali miżjuda. Dawn jiffaċilitaw il-ħolqien ta’ soluzzjonijiet ta’ pagament diġitali addizzjonali u karatteristiċi addizzjonali, li jtejbu l-esperjenza tal-utent u jġibu aktar kompetizzjoni fis-settur tal-pagamenti.
X'inhu r-rwol tal-BĊE?
Il-BĊE huwa responsabbli għas-sikurezza u għall-effiċjenza tal-ħlasijiet elettroniċi bl-euro. Fid-dawl ta’ dan il-mandat, l-użu sħiħ tal-pagamenti istantanji huwa objettiv ewlieni tal-istrateġija tal-pagamenti bl-imnut tal-Eurosistema. Il-pagamenti istantanji jistgħu jżidu r-reżiljenza u l-awtonomija strateġika tas-suq tal-pagamenti Ewropew billi jnaqqsu d-dipendenza tiegħu fuq fornituri ta’ servizzi mhux tal-UE.
Sabiex tiġi promossa l-innovazzjoni, qegħdin naħdmu mal-industrija tal-pagamenti biex naqblu fuq regoli u standards komuni u nneħħu kull ostakolu li jibqa' biex isiru pagamenti bejn il-pajjiżi tal-UE. Il-BĊE jippresjedi wkoll grupp – il-Euro Retail Payments Board – (Bord dwar il-Pagamenti bl-Imnut bl-Euro) li jiġbor flimkien rappreżentanti ta‘ fornituri u utenti ta' servizzi ta' ħlas, bil-għan li s-suq tal-pagamenti fl-UE jkun aktar integrat, innovattiv u kompetittiv. Il-Bord jidentifika prijoritajiet komuni u jrawwem attivitajiet immirati biex tiġi indirizzata l-frammentazzjoni fis-suq tal-ħlasijiet bl-imnut. Il-Bord ilu jmexxi l-ħidma dwar il-pagamenti istantanji pan-Ewropej sa mill-2014 u qiegħed jimmonitorja l-progress hekk kif il-pagamenti istantanji qegħdin jintużaw b’mod aktar estensiv.
Biex ikun aktar faċli għall-fornituri ta' servizzi ta' pagament sabiex joffru pagamenti istantanji, il-BĊE żviluppa servizz ġdid li jippermetti lil-fornituri biex jissaldaw il-ħlasijiet minnufih, b'mod sigur u 24 siegħa kuljum. Is-servizz TARGET instant payment settlement (TIPS) tnieda f’Novembru 2018 u jippermetti lill-fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas biex jipproċessaw il-pagamenti istantanji li jkunu saru mill-klijenti tagħhom lil kwalunkwe persuna/entità, madwar l-Ewropa kollha.
ARA WKOLL
Sir af aktar dwar kontenut relatat