Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Il-BĊE jerġa’ jikseb ir-reġistrazzjoni EMAS

12 ta' Settembru 2013

Wara li temm b’suċċess l-ewwel ċiklu validat tal-ġestjoni ambjentali (2010–2013) il-BĊE dan l-aħħar reġa’ kiseb iċ-ċertifikazzjoni ambjentali skont l-istandard ISO 14001 u għalhekk se jiġi reġistrat mill-ġdid fl-iskema tal-ġestjoni u l-verifika ambjentali (EMAS) tal-Unjoni Ewropea.

Illum il-BĊE qiegħed ixandar dikjarazzjoni ambjentali konsolidata dwar ir-riżultati u l-kisbiet tat-tliet snin li għaddew, kemm għal dik li hija l-marka tal-karbonju ġenerali kif ukoll għall-aspetti ambjentali individwali. Fost il-kisbiet hemm il-bidla għall-użu tal-enerġija rinnovabbli fil-bini tal-BĊE fi Frankfurt am Main, l-użu ta’ karta riċiklata bit-tikketta “Blue Angel” għall-konsum intern fl-uffiċċji u t-twaqqif ta’ linja gwida dwar l-akkwist sostenibbli ( sustainable procurement guideline).

Ġiet implimentata politika ambjentali ġdida biex tirrifletti aħjar il-kundizzjonijiet u l-iżviluppi ġodda fis-Sistema tal-Ġestjoni Ambjentali tal-BĊE mill-2007 ’l hawn, meta ġiet adottata l-ewwel politika ambjentali u s-sistema ġiet stabbilita.

Il-BĊE baqa’ jżid il-firxa tar-rappurtar tiegħu dwar l-emissjonijiet tal-karbonju u l-monitoraġġ tagħhom sabiex iżomm mal-valuri tiegħu dwar it-trasparenza u r-responsabbiltà. Barra mill-emissjonijiet mill-konsum tal-enerġija fil-bini tiegħu, mill-ivvjaġġar b’xogħol u mill-konsum tal-karta, il-BĊE issa qiegħed iqis ukoll l-emissjonijiet mill-ivvjaġġar tal-parteċipanti f’konferenzi, l-użu ta’ aġenti ta’ tkessiħ u l-enerġija użata fiċ-ċentru estern tad-dejta.

Is-Sistema tal-Ġestjoni Ambjentali tal-BĊE tiġbor fiha l-oqsma tax-xogħol kollha. L-iżvilupp tagħha għall-ġejjieni se jkompli jissaħħaħ billi jiżdiedu l-għarfien u l-involviment tal-membri tal-istaff, b’mod partikolari fir-rigward taċ-ċaqliqa lejn il-bini l-ġdid tal-BĊE u l-adozzjoni prattika tal-linja gwida dwar l-akkwist sostenibbli.

Għal aktar tagħrif dwar l-attivitajiet u l-pjanijiet tal-BĊE dwar l-ambjent, wieħed għandu jsegwi l-link għad-Dikjarazzjoni Ambjentali 2013 tal-BĊE.

Ta’ min jinnota li sabiex jonqos l-istampar bla bżonn kif ukoll biex jiġi mmonitorjat l-impatt tal-pubblikazzjoni, id-Dikjarazzjoni Ambjentali 2013 ġiet kodifikata biex ma jsirx stampar mhux awtorizzat. Madankollu jekk wieħed ikun jixtieq jistampa dan id-dokument, għandu jibgħat e-mail lil statement.greenecb@ecb.europa.eu biex jitlob il- password u jgħid kemm jixtieq jagħmel kopji.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja