Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont
STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

L-Estonja tissieħeb fiż-żona tal-euro

1 ta' Jannar 2011

Illum l-euro ġie introdott bla xkiel fl-Estonja. Għalhekk, l-għadd ta’ Stati Membri tal-UE li qed jużaw il-munita unika Ewropea issa żdid għal 17, u b’hekk l-għadd ta’ Ewropej li jużaw l-istess munita żdid għal madwar 331 miljun ruħ. Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jilqa’ b’merħba dan it-tkabbir ġdid taż-żona tal-euro.

Wara l-adozzjoni tal-euro mill-Estonja, Eesti Pank, il-bank ċentrali nazzjonali tal-Estonja, sar membru tal-Eurosistema, is-sistema ta’ banek ċentrali taż-żona tal-euro, li tinkludi l-BĊE u, mil-lum, is-17-il bank ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE li adottaw l-euro. Skond l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, Eesti Pank ħallas il-bqija tal-kontribuzzjoni tiegħu għall-kapital tal-BĊE u ttrasferixxa l-kontribuzzjoni tiegħu lejn l-assi ta’ riżervi barranin tal-BĊE.

L-integrazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji Estonjani (IMF) fis-sistema bankarja taż-żona tal-euro fl-1 ta’ Jannar 2011 kienet diġà tqieset fil-pubblikazzjoni tal-ħtiġijiet tal-likwidità taż-żona tal-euro u fil-kwota standard tat-28 ta’ Diċembru 2010. Il-kontropartijiet Estonjani fl-Eurosistema se jkunu jistgħu jipparteċipaw fl-operazzjonijiet tas-suq ħieles tal-BĊE li jitħabbru wara l-1 ta’ Jannar 2011.

Il-lista tal-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji li jinsabu fl-Estonja li huma soġġetti għar-rekwiżiti tar-riżervi hi ppubblikata fil-websajt tal-BĊE, bħal ma huma wkoll il-listi tal-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji li jinsabu fl-Istati Membri l-oħra tal-UE li adottaw l-euro. Sar ukoll provvediment għal perijodu ta’ manutenzjoni transizzjonali mill-1 sat-18 ta’ Jannar 2011 biex jiġu imposti rekwiżiti ta’ riżervi minimi fuq l-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji Estonjani. L-assi li jinsabu fl-Estonja u li huma eliġibbli biex jintużaw bħala kollateral fl-operazzjonijiet tal-kreditu tal-Eurosistema ġew miżjuda mal-lista taż-żona tal-euro għall-assi negozjabbli eliġibbli; din il-lista hi disponibbli fil-websajt tal-BĊE.

KUNTATT

Bank Ċentrali Ewropew

Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni

Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.

Kuntatti għall-midja